Jammetti li traffika l-ecstasy iżda jinħeles mill-Qorti tal-Appell

Dan għax kien ammetta mal-pulizija meta ma kienx għadu akkumpanjat minn avukat

Raġel li kien ammetta li kien qed jitraffika l-ecstacy inħeles mill-akkużi wara li kien instab ħati fl-2013.

L-akkużat, li għandu 38 sena, kien instab ħati b’pussess u traffikar tal-ecstasy u ngħata sentenza ta’ 9 xhur ħabs u multa ta’ €1,500.

Madanakollu, l-akkużat appella mis-sentenza, bl-avukati tiegħu, Franco Debono u Amadeus Cachia jinsistu li s-sentenza kienet ibbażata fuq stqarrija li qal lill-pulizija ftit wara li ġie arrestat.

L-akkużat kien qal li qassam il-pinnoli lit-tfajla tiegħu biex tqassamhom waqt party li kienu sejrin.

Madanakollu, insistew li hu għamel din l-istqarrija meta ma kienx akkumpanjat minn avukat, prattika li kienet legali dak iż-żmien, iżda li aktar tard bdiet tiġi meqjusa bħala illegali.

Waqt id-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Antonio Mizzi, qal li ma jistax ma jagħmilx referenza għal deċiżjonijiet riċenti tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u qrati oħra li jistipulaw li persuna arrestata għandha d-dritt għal assistenza legali mill-bidu nett tal-investigazzjoni.

Kompla jisħaq li nuqqas ta’ assistenza legali, ifisser li jkun hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Minħabba l-fatt li l-uniku prova kontra l-akkużat kienet l-istqarrija tiegħu, liema stqarrija saret fin-nuqqas ta’ preżenza ta’ avukat, il-Qorti tal-Appell kellha teħles lill-akkużat mis-sentenza u l-akkużi kollha miġjuba kontrih.

More in Qrati u Pulizija