Imħallef tisħaq li għandu jkun hawn liġi kontra min jaqsam it-triq bl-addoċċ

Hija għamlet dan l-appell waqt li naqset is-sentenza mogħtija lil raġel li kien instab ħati li tajjar u qatel tifel ta' 10 snin

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera saħqet li wasal iż-żmien li anke persuni li jaqsmu t-triq bl-addoċċ jiffaċjaw il-ġustizzja.

Hija qalet dan waqt li naqset is-sentenza mogħtija lil raġel li kien instab ħati b’omiċidju involontarju meta tajjar tifel ta’ 10 snin.

L-Imħallef, filwaqt li xorta kkonfermat li r-raġel kien responsabbli mill-inċident, naqset is-sentenza tar-raġel minn 32 xahar ħabs għal sentenza sospiża, filwaqt li kkonfermat li r-raġel ma jistax isuq għal erba’ snin.

It-tifel, Libjan ta’ 10 snin, kien qed jaqsam it-triq fit-30 ta’ Mejju 2015 meta ttajjar mir-raġel li kien ilu jgħix Malta 16-il sena.

L-Imħallef qablet mar-rakkomandazzjonijiet li kienet għamlet il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech meta kienet appellat lill-Parlament biex jikkunsidra li anke min jaqsam it-triq bl-addoċċ jiffaċċja akkużi.

“Min ikun miexi fit-triq ukoll għandu l-obbligazzjonijiet tiegħu u mhux is-sewwieqa biss,” innutat l-Imħallef waqt li insistiet li għandu jkun hemm penali għal min jaqsam u jkun injora pedestrian crossing fl-istess triq.

Mill-evidenza ħareġ li t-tifel qasam bl-addoċċ. Fil-Qorti kien instema’ li r-raġel kien qed isuq viċin amber traffic lights b’veloċità ‘l fuq minn 50km/h.

Xhud li kien fuq il-post irrakkonta kif l-akkużat inxteħet mal-art jibki u jgħajjat meta nduna li tajjar lit-tifel. It-tifel kien miet madwar siegħa wara.

More in Qrati u Pulizija