Jinqabad minn kameras joħroġ arma mill-karozza u jhedded raġel

Raġel tressaq il-Qorti akkużat li waqt argument li kellu ma' raġel ieħor heddu b'arma li għaliha ma kellux liċenzja

Raġel ta’ 33 sena nqabad fuq kamera tas-sigurtà joħroġ arma tan-nar mil-vettura tiegħu u jhedded biha raġel ieħor.

L-akkużat, residenti Ħaż-Żabbar tressaq il-Qorti akkużat li kien qed iġorr arma bla liċenzja, li hedded raġel ieħor u li anke wettaq reat fi żmien ta’ probation f’każ separat.

L-istess akkużat kien diġà qatta xhur il-ħabs arrestat wara li wettaq serqa armat b’arma tan-nar, bl-avukat tiegħu jisħaq li f'dan il-perjodu biddel ħajtu “drastikament,” tant li l-Qorti kienet impressjonata u poġġietu taħt probation.

Anke jekk inqabad mill-kameras, l-akkużat wieġeb mhux ħati li kien qed iġorr arma.

Il-każ seħħ ftit tal-jiem ilu meta l-akkużat kellu argument ma’ raġel ieħor. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest anke għax fadal ħafna xhieda x’jixhdu.

L-avukat tad-difiża insista wkoll li anke l-akkużat weġġa’ waqt l-argument u l-aggressuri qed ikunu investigati.

Anke jekk l-avukat insista li jekk ir-raġel jinżamm il-ħabs jista’ jerġa’ jispiċċa ħażin, il-Qorti rrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija