Ta' 20 sena ma għandux fejn joqgħod, vittma tad-droga u jisraq biex jiekol

Dalgħodu fil-Qorti ttella' ż-żagħżugħ li spiċċa bla saqaf fuq rasu wara li ommu kellha tiddaħħal l-isptar

Żagħżugħ ta’ 20 sena li ma għandux indirizz fiss u allura bla saqaf fuq rasu nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li seraq ikel u xorb, li jammontaw għal madwar €50 minn ħanut fil-Belt Valletta.

Fil-Qorti nstema’ kif iż-żagħżugħ seraq l-ikel waqt li jinsab fuq probation għal reat ieħor li wettaq u għaldaqstant kien akkużat ukoll li sar reċidiv.

L-Ispettur Jeffrey Scicluna spjega kif iż-żagħżugħ ma għandux fejn joqgħod u spiċċa jiġġerra barra wara li ommu kellha tiddaħħal l-isptar.

Fil-Qorti nstema’ kif impjegatur, li ż-żgħażugħ kellu jibda jaħdem miegħu dalwaqt, kien wiegħdu fejn joqgħod tant li waqt is-seduta ppreżenta wkoll l-indirizz.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi, bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest anke għax ippreżenta l-indirizz fejn se jmur joqgħod.

Madankollu, l-Ispettur Scicluna informa lill-Qorti li l-akkużat ta informazzjoni żbaljata lill-pulizija tant li ma setgħux isibuh.

Id-difiża insistiet li l-Qorti taf l-istorja taż-żgħażugħ u l-ambjent li fih kien qed jgħix u li jkun aħjar kieku ma jmiss mal-ħabs.

Kien hawn li l-prosekuzzjoni pproponiet li jekk jekk ma jingħatax il-ħelsien, iż-żagħżugħ għandu jingħata l-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

F’dan l-istadju, il-Qorti ma aċċettatx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat lid-Direttur tal-ħabs biex joffri l-għajnuna kollha lill-akkużat biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

More in Qrati u Pulizija