Ħames snin ħabs għal raġel li żamm anzjana u serqilha brazuletta tad-deheb

Ix-xahar li għadda l-istess raġel kien qabad joffendi lill-Maġistrat u pprova jiġġustifika dak li għamel għax huwa satanist

George Farrugia magħruf bħala ċ-Ċapalaw ingħata sentenza ta’ ħames snin ħabs wara li nstab ħati li seraq brazuletta tad-deheb minn fuq anzjana, li żammha kontra l-volontà tagħha u anke li seraq żewġ bagalji mingħand turist.

Ix-xahar li għadda, l-istess Farrugia nfexx joffendi lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech u minħabba f'hekk weħel €4.000. Huwa kien ipprova jiġġustifika dak li qal għax fi kliemu huwa satanist.

Il-Maġistrat Frendo Dimech innutat li r-raġel kellu record kriminali li jmur lura sal-1975.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti saħqet li ma setgħetx tinjora l-fatt li wettaq reat kontra anzjana, liema reati raw emendi legali fl-aħħar snin bil-għan li persuni vulnerabbli jkunu aktar protetti.

Il-Maġistrat insisiet li l-anzjana kien jixirqilha biss rispett u għajnuna u mhux spiċċat tgħix bil-biża’.

Meta kkunsidrat il-fatti tal-kollha tal-każ u anke kif l-akkużat ikkopera mal-Pulizija, bagħtitu ħames snin ħabs.

Ordnatlu wkoll biex fit-tliet snin li ġejjin ifittex l-għajnuna u anke ordnat lid-Direttur tal-Ħabs biex jikkunsidra jekk l-akkużat jistax jgħaddi minn proċess ta’ rijabilitazzjoni biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

More in Qrati u Pulizija