Avukat jakkuża lill-Pulizija li ma investigatx qabel ma ressqet raġel il-Qorti

Ir-raġel tressaq akkużat li attakka u weġġa' ħafif lis-sieħba tiegħu

Avukat ta’ raġel, li qed ikun allegat li attakka u weġġa’ lis-sieħba tiegħu, akkuża lill-Pulizija li falliet milli tinvestiga dan il-każ qabel ma tellgħet lir-raġel il-Qorti.

Ir-raġel tressaq quddiem l-Avukat Astrid May Grima akkużat li kkawża ġrieħi ħfief fuq il-mara u li sar reċidiv fost akkużi oħra.

L-Avukat Noel Cutajar, li qed jidher għar-raġel, ikkritika lill-Pulizija li fi kliemu bbażaw l-akkużi fuq dak li qalet il-mara mingħajr ma investigaw.

Insista li kien hemm tliet xhieda oħra, it-tfal tal-koppja, li kienu preżenti waqt l-allegat każ ta’ vjolenza domestika u li l-Pulizija ma kellmet lil ħadd minnhom.

“Kieku l-Pulizija tkellmu mat-tfal dwar id-dinamika tal-inċident, dan kollu seta’ ġie evitat,” saħaq l-Avukat waqt li insista li mhux l-ewwel darba li r-raġel u l-mara rrappurtaw lil xulxin għalxejn.

Kompla jgħid li l-mara wkoll ħadet xi affarijiet mid-dar tal-akkużat u l-Pulizija għandha tinvestiga dan.

Min-naħa tagħha, l-Ispettur Joanna Piscopo oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest għax fi kliemha l-vittma tista' tkun f'riskju u anke għax fadal min jixhed. Saħqet li r-raġel kien taħt l-effett tal-alkoħol jew droga u kien qed iġorr sikkina.

L-Avukat dlonk qabeż jisħaq li ma saru l-ebda testijiet biex ikun stabbilit jekk ir-raġel kienx taħt xi effett tal-alkoħol u insista li ma attakka lil ħadd bis-sikkina.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija