Każ Liam Debono | Joe Ellis mitlub jispjega artiklu li kiteb fuq l-ILLUM

Franco Debono qed jisħaq li Joe Ellis iddikjara lil Liam Debono ħati qabel intemm il-każ

Il-Qorti ordnat lill-opinjonista tal-gazzetta ILLUM, Joe Ellis, biex jispjega dak li kiteb ilbieraħ fuq il-gazzetta fejn fost oħrajn ikkritika d-deċiżjoni tal-Qorti li twaqqaf milli tiġi mxandra l-intervista tal-programm Xarabank ma’ Liam Debono.

Waqt li dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra ż-żagħżugħ, akkużat bl-attentat tal-qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri, l-avukat tal-akkużat, Franco Debono, wera fil-Qorti l-opinjoni tal-avukat Joe Ellis u saħaq li din l-opinjoni tiġġudika liż-żagħżugħ ħati.

Il-Maġistrat Joe Mifsud, li qed jisma’ l-każ, wara li qara l-opinjoni, ordna li din tittieħed għand l-Avukat Ġenerali u anke talab lil Joe Ellis biex fi żmien 24 siegħa jwieġeb għal dak li qed tgħid id-Difiża.

Qal ukoll li ġaladarba l-opinjoni qed tirreferi wkoll għad-deċiżjoni tal-Qorti li twaqqaf l-intervista, il-każ għandu jittieħed ukoll quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex “tinvestiga u tiddeċiedi kif neċċessarju.”

‘Ħareġ quddiem l-intervista l-istess kif ħareġ quddiem il-karozza’

Intant, waqt l-istess seduta, l-Avukat Debono, li mas-sit illum.com.mt iddefenda l-intervista kontroversjali, talab li Simon Schembri biex  jerġa’ jitla’ jixhed u akkużah li ħareġ quddiem din l-intervista l-istess kif ħareġ quddiem il-karozza tal-akkużat dakinhar tal-inċident li ħallih jissielet għal ħajtu.

Franco Debono qal li Schembri għandu jispjega għalfejn għamel ir-rikors biex titwaqqaf l-intervista.

“Jekk niġu għal ġuri, din se tkun l-ewwel ħaġa li se nitlob lill-ġurati biex jaraw. Nirringrazjak li ressaqt dan ir-rikors,” saħaq Debono. “F’din l-awla saret referenza aktar minn darba għall-karattru ta’ Liam Debono, li qed jidher qisu monstru. Issa għandna ċ-ċans li nieħdu X-ray tal-karattru ta’ Schembri.”

“Jiena nista’ nitkellem, iżda l-mument li int tipprova titkellem se nagħlaqlek ħalqek. Dan hu Simon Schembri,” saħaq Franco Debono.

Min-naħa tiegħu l-Maġistrat Mifsud fakkar lill-Avukat Debono li fil-Qorti, l-akkużat għandu dritt ma jitkellimx tul il-proċeduri kollha.

“Jista’ jkollna sitwazzjoni fejn l-akkużat jibqa’ silenzjuż fil-Qorti imbagħad imur fuq il-midja jagħti l-opinjoni tiegħu?,” staqsa l-Maġistrat.

More in Qrati u Pulizija