'Busuttil ma kellux dritt jitlob għar-rikuża tal-Imħallef Mizzi,' L-AĠ jirbaħ l-appell

Simon Busuttil se jkun qed jieħu dan il-każ quddiem il-Qorti Ewropea anke jekk l-Imħallef se jirtira fi ftit ġimgħat

Il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li l-Imħallef Antonio Mizzi jista’ jkompli jisma’ l-appell dwar il-Panama Papers minkejja li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, qed jisħaq li nkisirlu d-dritt għal smigħ xieraq, għax Mizzi huwa r-raġel tal-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi.

Kien l-Avukat Ġenerali li appella mid-deċiżjoni tal-Qorti li kienet iddeċidiet favur Busuttil, jiġifieri li l-każ ta' appell ma jinstemax quddiem il-Maġistrat Antonio Mizzi.

L-appell, li se jkun qed jisma’ l-Imħallef Mizzi, kien infetaħ mill-Prim Minstru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, il-Ministru Konrad Mizzi, flimkien ma’ Brian Tonna, Karl Cini, Malcolm Scerri u Adrian Hillman, wara li Simon Busuttil kien talab inkjesta kontrihom dwar kumpaniji fil-Panama.

Id-deċiżjoni li ħadet illum il-Qorti Kostituzzjonali kienet ibbażata fuq il-fatt li Simon Busuttil ma kellux id-dritt li jitlob għar-rikuża tal-Imħallef, ġaladarba hu mhux meqjus vittma fil-każ.

L-Avukat Ġenerali, meta ppreżenta l-appell, kien saħaq li inkjesta hija intiża biss biex tippreserva l-evidenza u mhux biex tgħaddi ġudizzju u għalhekk kien saħaq li Busuttil ma nkisirlu l-ebda dritt.

Madanakollu, anke jekk il-Qorti ddeċidiet li f'dan il-każ, Busuttil ma kellux dritt jitlob għar-rikuża, għal kuntrarju ta' dak li qal l-Avukat Ġenerali, ir-rikuża tista' tapplika wkoll f'każ ta' inkjesta.

Kien dan li wassal lill-avukat Jason Azzopardi biex jiddeskrivi dan il-ġudizzju bħala "kontradittorju." Il-każ jidher li mhux se jieqaf hawn hekk kif f’kummenit lill-midja, l-eks Kap Nazzjonalista u anke Azzopardi qalu li se jkunu qed jieħdu dan il-każ quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.

Apparti dan kollu, l-Imħallef Mizzi jista’ xorta waħda jispiċċa ma jismax hu l-każ, għax se jkun qed jirtira f'Novembru.

More in Qrati u Pulizija