Tabib investigat wara li ħareġ 27 ċertifikat lil akkużat maħrub

Ir-raġel li kien ilu sentejn maħrub mill-Pulizija nqabad ilbieraħ

Il-Qorti ordnat tabib jispjega kif ħareġ 27 ċertifikat lil raġel ta’ 48 sena mill-Gżira li ilu maħrub mill-Pulizija għal aktar minn sentejn.

Ir-raġel instab ilbieraħ u tressaq il-Qorti dalgħodu wara li kien naqas milli jidher għal 24 seduta. Huwa kien ilu ma jiffirma fl-Għassa għal sentejn wara li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’każ ta’ frodi.

Il-Qorti għalhekk ikkonfiskat l-€10,000 u €500 depożitu li kienu imposti fuqu fl-2013. F’każ separat, ir-raġel qed ikun akkużat ukoll li froda żewġ persuni €16,000.

Tardare si, scappare no,” qallu l-Maġistrat Mifsud. “Fejn ma jsibukx il-Pulizija, isibuk il-Maltin.”

Il-Qorti ordnat lit-tabib tiegħu biex jitla’ jixhed u jispjega kif ħareġ 27 ċertifikat lir-raġel u ordna lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestigah u jibgħat dak li jsib lill-Kunsill Mediku jekk ma jkunx kuntent bl-ispjegazzjoni tat-tabib.

Fil-Qorti ntqal ukoll li r-raġel ibati mill-vizzju tad-droga.

More in Qrati u Pulizija