Wara disa' snin, anzjan jinħeles mill-akkuża li kiser id martu

Il-Qorti saħqet li ma hemmx biżżejjed provi biex dak li qed tisħaq il-vittma jkun ipprovat

Wara disa’ snin tiela’ u nieżel il-Qorti, anzjan ta’ 64 sena nħeles mill-akkużi li kiser id martu waqt li kienu qed jiġġieldu hekk il-Qorti saħqet li ma tistax tesklużi li l-każ kien wieħed aċċidentali.

Disa’ snin ilu, il-koppja kienet qed tissepara wara 25 sena żwieġ u waqt wieħed mill-ħafna argumenti li kellhom, f’Ottubru tal-2010, it-tifel tal-koppja sab lil ommu mal-art, iżżomm idha li kienet minfuha.

Il-mara kienet akkużat lir-raġel li refa’ jdejh fuqha u kkawżalha ġrieħi gravi. Ir-raġel dejjem ċaħda l-akkużi.

Il-Maġistrat Neville Camilleri saħaq li d-dikjarazzjoni tal-mara li ġiet imbuttata bis-saħħa mir-raġel ma kinitx ipprovata.

L-akkużat saħaq li l-mara tiegħu kienet ippruvat teħodlu l-mowbajl waqt li kien fil-kamra tal-banju u f’ħin minnhom żelqet u weġġgħet.

Il-Maġistrat Camilleri saħaq li l-verżjoni li taw iż-żewġ partijiet huma kredibbli iżda insista li spekulazzjonijiet mingħajr evidenza ma jistgħux iwasslu biex persuni tinstab ħatja.

Saħaq li l-Qorti ma tistax tikkonkludi li l-verżjoni tal-vittma kienet aktar realistika u veritiera u għalhekk l-akkużat inħeles mill-akkużi kollha.

More in Qrati u Pulizija