Qorti | Żagħżugħ lest jerġa' jisraq biex imur il-ħabs ħdejn sieħbu

Żewġ żgħażagħ akkużati li serqu u jisħqu li għamlu dan għax kienu bil-ġuħ

Wieħed minn żewġ żgħażagħ li tressqu l-Qorti akkużati b’serq qal li lest jerġa’ jwettaq reat ieħor biex jekk sieħbu jitbagħat il-ħabs, ikun jista’ jmur miegħu.

Iż-żewġt żgħażagħ li għandhom 18 u 19-il sena saħqu li serqu affarijiet tal-ikel għalihom personali. Huwa tressqu akkużati b’ħames serqiet minn ħanut fil-Belt Valletta u li kkawżaw ħsarat fil-ħanut.

Wieħed miż-żgħażagħ qed ikun akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijet ta’ probabtion.

L-Ispetturi Daryl Borg u Jeffrey Scicluna spjegaw kif il-Pulizija rċeviet għadd ta’ rapporti ta’ serq minn ristoranti fil-Belt Valletta u wara investigazzjoni rriżulta li l-akkużat kien involut fis-serqiet kollha.

Iż-żagħżugħ l-ieħor kien involut f’waħda minn dawn is-serqiet. Kien hemm ukoll serqa minn kappella fil-Ħamrun li fiha kien hemm involut persuna oħra li għadha ma ġietx arrestata.

L-Ispetturi qalu li ż-żgħażagħ ikkoperaw mal-Pulizija u ammettew l-akkużi. Huma nstabu wkoll li kienu fil-pussess ta’ laptop misruq, iżda ammont ta’ flus li nsteraq baqa’ ma nstabx.

L-avukat tagħhom saħqet li l-akkużati serqu għax kienu bil-ġuħ. Qalet li huma rritornaw dak li setgħu waqt li spjegat li t-tnejn huma dipendenti fuq id-droga.

Wieħed mill-akkużati, minħabba li kien reċidiv, ingħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs. Il-Qorti ordnat lill-awtoritajiet biex iż-żagħżugħ jinżamm fil-faċilità taż-żgħażagħ fl-Imtaħleb u biex jagħtuh l-għajnuna kollha biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Iż-żagħżugħ l-ieħor qatt qabel ma kellu problemi mal-ġustizzja u għalhekk ingħata tpoġġa taħt sentejn probation u f’dan il-perjodu jrid jirċievi l-għajnuna biex jegħleb id-droga.

Meta fil-Qorti nstema’ li l-akkużat lest iwettaq reat ieħor biex jidħol il-ħabs ma’ sieħbu, il-Maġistrat wissieh li l-ħabs mhux se jagħmillu ġid.

“Qed nagħtuk ċans ieħor” qallu l-Maġistrat. ‘Titilfux.”

More in Qrati u Pulizija