Iffabbrika evidenza biex pulizija jkun akkużat b'pedofelija

Huwa bagħat pen drive bl-evidenza ffabbrikata lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin bl-għajnuna tal-Kap tal-Uffiċċju tal-Customer Care

Raġel, li vvinta evidenza biex jakkuża kuntistabbli tal-Pulizija b’pedofelija, ntbagħat tliet snin ħabs.

Fil-Qorti, ir-raġel li għandu 33 sena, kien akkużat li ffabbrika evidenza biex jinkrimina pulizija, li għamel użu ħażin minn mezzi ta’ kommunikazzjoni u li sar reċidiv.

L-akkużat kien bagħat envelop lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, liema envelop kien jinkludi pen drive u li kienet tikkonsisti f’chat bejn raġel u żagħżugħ ta’ 17-il sena, u anke ritratti tar-raġel u l-parti ġenitali tiegħu. 

Il-pen drive kienet akkumpanjata b’biċċa karta li kienet tikkonsisti fl-isem u l-laqam tal-kuntistabbli u anke fejn kien ikun xogħol.

Immedjatament kienet bdiet investigazzjoni u l-pulizija kien arrestat, mistoqsi u anke akkużat b’pedofelija.

Madanakollu, waqt analiżi, kien irriżulta li ċ-chat kienet iffabbrikata.

Minn aktar investigazzjoni, kien irriżulta li kien l-akkużat li bagħat dan l-envelop lill-Ministeru u lill-Kummissarju tal-Pulizija bl-għajnuna ta’ ħabib tiegħu li kien il-Kap tal-Customer Care fil-Ministeru.

Waqt l-interrogazzjoni, l-akkużat qal li ried ipattiha lill-Pulizija li erba' snin qabel kien qabad jitkellem ma’ ħuh f’gay bar.

Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat, bl-għajnuna tal-Kap tal-Customer Care fil-Ministeru, kien ħoloq żewġ profili fuq Facebook, wieħed ta’ adult u l-ieħor profil falz ta’ żagħżugħ ta’ 17-il sena. Huwa ħa ħsieb iżid ritratti biex kollox jindika li wieħed mill-profili kien tal-Pulizija.

L-akkużat ċaħad biss li l-karta mal-pen drive kien għamnilha hu u insista li x’aktarx poġġiha sieħbu li jaħdem fl-istess Ministeru.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li kollox jindika li l-akkużat iffabbrika l-evidenza biex jagħti l-impressjoni li l-Pulizija kien pedofelu.

Apparti t-tliet snin ħabs u kien ordnat iħallas €1,180 spejjeż tal-Qorti.

Intant, il-Maġistrat ordnat ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga l-persuna l-oħra li kienet involuta f’dan il-każ.

More in Qrati u Pulizija