Żagħżugħ akkużat li difen għadma u oġġetti tal-okkult fit-terrazin tal-ġara

  • Għaddejja inkjesta maġisterjali biex ikun stabbilit minn fejn iż-żagħżuħ ġab l-għadam
  • Eżorċista qed jgħin fl-inkjesta

Żagħżugħ qed jiċħad li difen għadma u oġġetti oħra marbuta mal-okkult fit-terrazin tal-ġara tiegħu biex jikkonvinċiha li għandha magħmul.

L-akkużat, li għandu 28 sena mil-Latvja, deher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud akkużat li hedded mara li ma tistax tkun identifikata fuq ordni tal-Qorti u kkawżalha biża’. Kien akkużat ukoll li sar reċidiv.

L-Ispetturi Joseph Miercieca u Oriana Spiteri qalu lill-Qorti kif l-akkużat qed jiċħad li poġġa l-oġġetti fit-terrazin tal-mara u qal biss li kien qed juża l-għadam bħala parti minn “ritwal” u kien se jidfinhom.

Madanakollu, iż-żagħżugħ ma spjegax kif l-oġġetti spiċċaw fit-terrazin tal-mara anke jekk fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat kien ilu ġimgħat jiġġieled mal-organizzazzjoni karitattiva tal-mara u kien jaf fejn toqgħod, għax inzerta jgħix ħdejha.

Fil-Qorti huwa ilmenta kif qed ikun iddiskriminat minħabba r-reliġjon tiegħu u li ma għamel xejn ħażin jew illegali.

“Ma wettaqx reat u ma poġġejt lil ħadd fil-periklu,” saħaq l-akkużat.

Eżorċista maħtur biex jgħin fl-inkjesta separata li għaddejja...

Intant, għaddejja inkjesta maġisterjali separata biex ikun magħruf minn fejn iż-żagħżugħ ġab l-għadam.

L-oġġetti nstabu nhar it-Tnejn li għadda u hu mifhum li l-Maġistrat tal-Għassa ħatar diversi esperti inkluż eżorċista biex jassistuh.     

Il-Qorti ordnat lid-direttur tal-ħabs biex jagħti kwalunkwe kura li ż-żagħżugħ għandu bżonn. Ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni għall-vittma.

More in Qrati u Pulizija