'Din talli ma għintnix' - Kliem l-akkużat qabel qabad jagħti lil sieħbu b'sikkina

Żagħżugħ li qala' daqqietta' sikkina minn sieħbu jirrakkonta dak li ġara...

“Din talli ma għintnix.” Dawn kienu l-kelmiet ta' Sqalli akkużat li ta diversi daqqiet ta’ sikkina lil sieħbu li kien jgħix miegħu fl-istess appartament.

Il-vittma deher illum quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, ftit jiem wara li ħareġ mill-isptar.

Huwa qal li ilu jgħix f’Malta għal ftit xhur u kien qed jaqsam il-kera ta' appartament f'San Ġiljan ma' tliet persuni oħra, inkluż l-akkużat. Insista li qatt il-każ, qatt qabel ma ġġieled mal-akkużat, ħlief fuq min se jkun qed inaddaf.

Spjega kif fit-28 ta’ Settembru, ftit wara li wasal mill-Italja, kien dieħel jorqod meta ċempel il-bieb u kien l-akkużat li reġa’ lura għax nesa ċ-ċwievet.

Insista li kien qisu għadu kemm ħa d-droga u rritorna għall-flus. “Mhux l-ewwel darba li għamel hekk,” saħaq il-vittma.

Kompla jgħid li l-akkużat telaq u reġa’ lura ftit wara. Fetaħlu l-bieb tal-kamra tas-sodda u qallu li t-tfajla tiegħu kienet ġejja fl-appartament.

“Għidtlu biex jagħmel li jrid imma jħallini norqod,” kompla l-vittma.

Ġie darb’oħra u qallu li bouncer kien tefgħu ‘l barra u seraqlu xi flus. “Għidtu li ma jimpurtanix u biex iħallini norqod.”

“Ftit wara, smajt il-bieb tal-kamra jinfetaħ. ‘Din talli ma għintnix’ qalli u immedjatament qabad jagħtini bis-sikkina ġol-istonku,” kompla l-vittma.

“Mort niġri fil-kċina, qbadt l-ironing board biex nipproteġi lili nnifsi, imma ma stajtx għax kont ferut. Baqa’ jagħtini.”

Kien hawn li skont il-vittma, l-akkużat qallu: “Kif għadek qed tiċċaqlaq? Int suppost mejjet?”

“Imbuttajtu, tlaqt niġri ‘l barra u sibt lit-tfajla tiegħu mwerwra...Għidtilha x’għamilli u biex iċċempel lill-Pulizija iżda ma ċemplitx.”

Il-vittma mar hu stess ferut fl-Għassa tal-Pulizija.

L-Avukat tad-Difiża staqsih jekk apparti t-tindif, kienx hemm argumenti oħra bejniethom. Staqsih ukoll jekk hux minnu li l-argument kien fuq xugaman u jekk seħħx wara li kien għadu kemm ħareġ mill-kamra tal-banju.

“Jiena kont rieqed,” saħaq il-vittma. “Allura l-argument beda mix-xejn?” staqsa l-Avukat. “Ma nafx fuq xiex kien irrabbjat. Kien jidher eċitat aktar mis-soltu, minn meta jkun għadu kemm ħa d-droga,” wieġeb il-vittma.

L-Avukat Franco Debono staqsih jekk hux minnu li tah daqqa ta’ ponn, iżda l-vittma wieġeb “le.”

Il-każ ikompli.

More in Qrati u Pulizija