'Tiżvelawx informazzjoni li tista' tkun għodda għat-traffikanti tad-droga'

Il-Maġistrat Joe Mifsud b'appell għall-ġurnalisti li jinvestigaw u jirrappurtaw każijiet tad-droga

Il-Maġistrat Joe Mifsud wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li qed jiżdied l-abbuż mid-droga li ddeskriviha bħala pjaga li qed tikber f’suq maħmuġ li ma jaf l-ebda konfini u li qed ipoġġi f’riskju liż-żgħazagħ.

Mifsud appella lill-ġurnalisti biex ma jtellfux l-investigazzjonijet tal-Pulizija f’każijiet ta’ droga billi jikxfu l-mod kif jaħdmu l-awtoritajiet f’dawn il-każi. Fi kliemu, jekk jagħmlu dan, ikunu qed ipoġġu għodda f’idejn it-traffikanti.

Huwa qal dan f’żewġ sentenzi seperati mogħtija llum fil-Qorti Għawdxija li bagħtet il-ħabs żewġ nisa wara li nstabu ħatja li ttrafikaw l-erojina.

L-ewwel każ imur lura għall-2016 meta l-ewwel akkużata ntlemħet mill-Pulizija, li kienu qed isegwuha, tarmi pakketti tal-erojina ‘l barra mit-tieqa tal-karozza. Din ingħatat sentenza ta’ 4 snin ħabs u multa ta’ €2,500 u anke ntalbet tħallas l-ispejjeż tal-Qorti li jammontaw għal €1,200

Fit-tieni każ, mara ta’ 44 sena mis-Sannat ingħatat sentenza ta’ 16-il xahar ħabs u multa ta’ €1,000 wara li l-Qorti sabitha ħatja li kienet fil-pussess tal-erojina u li saret reċidiva.

Ordnat ukoll lid-Direttur tal-Ħabs biex jassisti lill-akkużata biex tegħleb il-vizzju tad-droga.

More in Qrati u Pulizija