Ħati li attakka ġurnalist tal-isports u li kien qed isegwi l-passi tiegħu

 Antvin Monseigneur kien safa aggredit fit-23 ta’ Settembru tal-2017 viċin il-Luxol Grounds

Antvin Monseigneur
Antvin Monseigneur

Raġel li kien attakka lill-ġurnalist tal-isports Antvin Monseigneur, u li ftit tal-jiem wara kien inqabad jieħu ritratti tal-istess ġurnalist, intab ħati li kien qed isegwi l-passi tal-vittma.

Ir-raġel, residenti Pembroke, kien akkużat li kkawża ġrieħi gravi lil Monseigneur meta attakkah fit-23 ta’ Settembru tal-2017 viċin il-Luxol Grounds.

Kien akkużat ukoll li li ffastidixxa, insulta lill-ġunalist u li anke sar reċidiv.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud, li hu nnifsu kien ġurnalist tal-isports, insista li l-esperti mediċi qalu lill-Qorti li l-ġrieħi li ġarrab il-ġurnalist kienu ħfief u għalhekk sab lill-akkużat ħati li kkawża ġrieħi ħfief u mhux gravi.

Kompla jispjega li l-akkużat mhux darba jew tnejn hedded lill-ġurnalist. Darba minnhom saħansita qal lill-kollega tal-vittma biex imur jgħidlu: “din mhux se tieqaf hawn.”

Dwar l-inulti, il-Maġistrat insista li biex is-sentenzi jservu veru ta’ deterrent, hemm bżonn jiżdiedu l-multi u ddeskriva dik massima ta’ €58 bħala redikola.

L-akkużat ingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal tliet snin. Il-Maġistrat ordna wkoll li l-ġurnalist jingħata protezzjoni għal tliet snin u l-akkużat kien ordnat ma jersaqx lejh għax jitlef garanzija ta’ €2,000.

More in Qrati u Pulizija