Jammetti li faqa' windscreen ta' karozza biex jidħol jorqod fiha

Iż-żagħżugħ li qiegħed Malta biex jistudja ngħata sentenza sospiża ta' ħabs u ordnat iħallas aktar minn €4,000 lill-kumpanija sidt tal-karozza

Student Ċilen tressaq il-Qorti akkużat li wara xarba tajba tul il-lejl, kisser il-windscreen u l-ħġieġa ta’ wara ta’ karozza bil-għan li jkun jista’ jidħol fiha biex jorqod.

L-Ispettur Matthew Spagnol ressaq liż-żagħżugħ li għandu 25 sena quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea u akkużah li wettaq ħsara fuq vettura ta’ terzi persuni, li kien fis-sakra u li ma kienx f’kundizzjoni li jikkontrolla lilu nnifsu.

Il-vettura li kisser kienet ta’ kumpanija li tikri l-karozzi.

Huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontihi anke jekk il-Qorti wissietu li jista’ jeħel sa erba’ snin ħabs.

Huwa ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordnat iħallas €4,397 lill-kumpanija qabel ma jħalli Malta.

Huwa mistenni jirritorna lura pajjiżu fil-5 ta’ Novembru.

More in Qrati u Pulizija