'Il-gentlemen's clubs f'Paceville qed ifaqqsu'; Imħallef tappella biex ikunu rregolati

L-Imħallef Edwina Grima turi t-tħassib tagħha għal dak li qiegħed isir fil-gentlemen's clubs. 

L-Imħallef Edwina Grima ħeġġet lill-awtoritajiet ikkonċernati biex jiġu rregolati dawk magħrufa bħala ‘gentlemen’s clubs.’

Hija saħqet dan waqt li l-Qorti tal-Appell bidlet is-sentenza mogħtija lil Raymond u Vincent Micallef. Hija sabithom ħatja li kienu qed jiksru l-liġi dwar ix-xogħol iżda kkonfermat dak li ddeċidiet l-ewwel Qorti, jiġifieri li mhumiex ħajta li kienu qed imexxu burdell.

Kien għalhekk li Grima saħqet li wasal iż-żmien li dawn il-clubs ikunu rregolati biex ikun hemm imniżżel iswed fuq l-abjad x’inhu permessibbli li jsir f’dawn l-istabbilimenti u x’mhuwiex u min jista' jidħol u min ma jistax.

Insistiet li n-nisa u t-tfajliet li jaħdmu fihom għandhom ikunu protetti mill-esplojtazzjoni.

Iż-żewġt irġiel kienu nħelsu mill-akkużi kollha fl-2012 iżda l-każ kien spiċċa quddiem il-Qorti tal-Appell.

Fil-Qorti kien instema’ kif il-Pulizija kienu wettqu rejd f’Huggins ġewwa Paceville u kienu sabu għadd ta' tfajliet, nofshom imneżża', jiżfnu mal-poles u mal-klijenti.

Kien hawn li l-Imħallef Grima nnutat kif dawn l-istabbilimenti 'qed ifaqqsu' f’Paceville u kif sa issa għad ma hemm l-ebda liġi li tirregolahom.

L-akkużati weħlu €1,500 kull wieħed.

Id-diskussjoni dwar dawn l-istabbilimenti tqum u terġa' tmut ftit taż-żmien wara. Is-sena li għaddiet, il-Kummissarju għall-Ugwaljanza, il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa u għadd ta’ NGOs u għaqdiet oħra, qajmu diskussjoni sħiħa u saħqu li dawn l-istabbilimenti huma marbuta mal-prostituzzjoni u l-isfruttament tal-mara.

More in Qrati u Pulizija