Manuel Delia jakkuża lill-Ministru Bonnici bi ksur tal-libertà tal-espressjoni

...dan wara t-tneħħija tax-xemgħat u l-fjuri għal Daphne Caruana Galizia minn quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir

L-attivist Manuel Delia fetaħ Kawża Kostituzzjonali quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u d-Direttur Ġenerali responsabbli mid-Dipartiment tat-Tindif, Ramon Deguara, wara t-tneħħija tal-fjuri u x-xemgħat għal Daphne Caruana Galizia minn fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir.

Delia qed jisħaq li t-tneħħija tal-istrixxunl, il-fjuri u x-xemgħat qed tikser il-libertà tal-espressjoni u insista li anke jekk il-Gvern ma jaqbilx miegħu dwar dan ma jistax ma jipproteġix id-dritt tiegħu u ta' attivisti oħra li jesprimu dak li qed iħossu.

Delia li huwa membru tas-Soċjetà Ċivili u anke tal-grupp ‘Kenniesa’ saħaq li fil-15 ta’ Settembru fl-10:30am, tpoġġa strixxun b’wiċċ Daphne Caruana Galizia, il-bandiera Maltija u l-kelma ‘Ġustizzja’ quddiem il-Monument tal-Assedju iżda dawn, u għadd ta’ fjuri u x-xemgħat li tpoġġew min-nies, tneħħew sas-2:00pm.

Huwa qed jisħaq li waqt li kien qed jagħmel rapport fl-Għassa tal-Belt Valletta kien infurmat li l-affarijiet tneħħew mill-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Tindif fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja.

L-Avukati ta’ Delia kienu kitbu lil Ramon Deguara biex l-affarijiet ikunu rritornati minnufih u fil-fatt dawn ittieħdu fl-istess Għassa u ftit wara reġgħu tpoġġew quddiem il-Qorti mill-attivisti. Dakinhar stess Delia kien ressaq rikors fil-Qortil, għal mandat ta' inibizzjoni urġenti, kontra l-Ministeru u d-Dipartiment biex l-affarijiet ma jitneħħewx.

Din l-ordni ma nħarġitx u kellhom ikunu l-attivisti stess li qattgħu lejl u nofstanhar għassa mal-affarijiet.

Manuel Delia qed jinsisti li fis-16 ta’ Settembru għall-ħabta tal-4:00pm reġgħu marru l-ħaddiema iżda daru lura malli lemħu lill-attivisti għassa mal-affarijiet.

Fil-jiem ta’ wara, l-istess affarijiet tneħħew aktar minn darba u l-affarijiet din id-darba spiċċaw il-Qorti minflok ġew irritornati.

Manuel Delia qed jisħaq li 'l-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia' tneħħa 17-il darba iżda kien fil-15 ta’ Settembru u fil-ġranet ta' wara li kkonferma li dawn kienu qed jitneħħew minn ħaddiema tal-Gvern li jaqgħu taħt Owen Bonnici.

Għalhekk qed jitlob lill-Qorti biex jinvestiga jekk dan sarx b'indħil mill-Gvern, jekk it-tneħħija tal-affarijiet kinitx legali, jekk kienx hemm għan li seta' jiġġustifika t-tneħħija tal-mafkar u jekk passi simili humiex xierqa fi stat demokratiku.

L-Avukati ta’ Manuel Delia huma Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Therese Commodini Cachia, Eve Borg Costanzi u Paul Borg Olivier.

More in Qrati u Pulizija