Raġel meħlus mill-akkużi li abbuża tifla ta' tmien snin fil-baħar

It-tifla kienet qalet li r-raġel messilha l-parti ġenitali waqt li kien qed jilgħab magħha iżda l-Qorti saħqet li dan kien biss inċident

Raġel ta’ 40 sena nħeles mill-akkużi li kien ikkorrompa tifla ta’ tmien snin waqt li kienu qed jilagħbu fuq bajja.

Il-każ imur lura għal Lulju tas-sena li għaddiet meta r-raġel, li huwa z-ziju tal-ħabiba tat-tifla, kien arrestat u akkużat li kkorrompa lit-tifla u li kien abbużaha sesswalment fuq il-Bajja s-Sabiħa waqt li kienet marret tgħum mas-sorijiet li jmexxu orfanatroju fejn kienet għamlet żmien tgħix.

Il-Pulizija kienu ġew infurmati wara li t-tifla kienet qalet lil ommha li waqt li hi u n-neputija tal-akkużat kienu qed jilagħbu fil-baħar, ir-raġel kien missilha l-parti ġenitali tagħha minn taħt il-malja.

It-tifla kienet qalet ukoll lill-Pulizija li l-akkużat kien għafasha mal-partijiet privati tiegħu.

L-akkużat insista li hu kien qed jilgħab mat-tfal billi jgħollihom u jitfagħhom fil-baħar u waqt li kien qed iwaddabha, laqtilha l-parti ġenitali tagħha bi żball. Insista li wara ftit għejja u kienu telgħu jieklu, inkluż it-tifla u poġġew fuq l-istess mejda ma’ persuni oħra.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli saħqet li l-Prosekuzzjoni bbażat l-akkużi tagħha fuq dak li qalet it-tifla stess. Insistiet li l-allegat każ seħħ fil-baħar baxx, meta kien hemm madwar 20 tifel u tifla oħra apparti persuni oħra li kienu qed jieħdu ħsiebhom.

Qalet li wara li rat aktar minn darba l-filmat li fih it-tifla tirrakkonta dak li ġara, ikkonkludiet li r-raġel miss it-tifla bi żball waqt li kienu qed jilagħbu.

“Il-Qorti ssibha diffiċli biex tifhem kif xi ħadd li jrid jagħmel dawn l-affarijiet se jagħmilhom hekk quddiem għadd konsiderevoli ta’ persuni,” kompliet il-Maġistrat.

Qalet ukoll li l-Prosekuzzjoni ma tatx biżżejjed raġunijiet għalfejn it-tifla ma marritx tgħid lis-sorijiet mill-ewwel u nnutat kif ftit ġranet qabel marru jgħumu, omm it-tifla kienet wissietha biex toqgħod attenta u titkellem mill-ewwel jekk xi ħadd jagħmlilha xi ħaġa simili.

“Il-Qorti hi tal-opinjoni li t-tifla kellha kliem ommha frisk f’moħħha u interpretat dak li għamel l-akkużat magħha u man-neputija tiegħu, meta kienu qed jilagħbu, bħala xi ħaġa oħra,” insistiet il-Maġistrat.

Kien għalhekk li ħelsitu mill-akkużi kollha miġjuba kontrih.

More in Qrati u Pulizija