Kumpilazzjoni Caruana Galizia | Kaxxi fuq kaxxi ta' evidenza ppreżentati fil-Qorti

Mowbajl maħruq kien elevat mill-karozza ta' Daphne Caruana Galizia u ġie analizzat fl-Olanda

Kaxxi fuq kaxxi ta' evidenza ġew ippreżentati lill-Qorti hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Vince Muscat, 'il-Koħħu', Alfred Degiorgio, 'il-Fulu', George Degiorgio, ‘iċ-Ċiniz,’ li qed ikunu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fost affariijet oħra, il-kaxxi kienu jinkludu ritratti li ttieħdu mill-esperti tal-Europol, materjal li nġabar minn fuq il-post tal-isplużjoni, wires, biċċiet tal-isplussiv u anke partijiet żgħar mill-karozza.

Mowbajl maħruq eżaminat l-Olanda

Fil-Qorti ntqal ukoll li fil-karozza ta' Daphne Caruana Galizia nstab mowbajl maħruq, liema mowbajl kien analizzat mill-awtoritajiet Olandiżi.

Dan il-mowbajl intbagħat lura lill-Pulizija Maltija u miegħu ntbagħat rapport dwar l-investigazzjoni li saret fuqu mill-Istitut Forensiku Olandiż.

Dettalji tat-telefonati u l-messaġġi fil-Bidnija

Tul il-kumpilazzjoni tal-lum, xehdu ħaddiema ta’ kumpaniji li jipprovdu s-servizz tat-telefonija u li ppreżentaw fil-Qorti informazzjoni miġbura mis-cell towers madwar il-Bidnija, liema informazzjoni tkopri l-15 u s-16 ta’ Ottubru li għadda.

It-tliet akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
It-tliet akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

Fost oħrajn dawn ippreżentaw CD li tinkludi l-informazzjoni dwar it-telefonati u l-SMSs li ntbagħtu mlil-bidnija, fosthom kemm damu t-telefonati, min ċempel jew bagħat l-SMSs, min irċieva t-telefonati, u s-cell ID number.

Anthony Bonnici, mill-kumpanija Go plc, spjega kif jista' jkun hemm każi meta mowbajl jidher li qiegħed fil-viċinanza ta’ post meta fil-verità jkun f’post ieħor. Qal li jista’ jagħti l-każ li jkun hemm ħsara, interferenza jew ikunu qed isiru xogħlijiet fuq l-aktar torri viċin il-mowbajl u minflok dan jaqbad ma’ torrijiet oħra fil-viċin.

Il-filmati tad-dgħajsa 'Maya'

Aktar qabel deher ukoll l-espert Keith Cutajar li xehed dwar l-analiżi tiegħu tar-ritratti u l-filmati tad-dgħajsa ta’ Alfred Degiorgio, li minn fuqha qed ikun allegat li telqet it-telefonata li attivat il-bomba taħt il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia.

Cutajar kien intalab jikkumpara filmati tad-dgħajsa 'Maya' meħuda f’Ottubru u anke f’Novembru bil-għan li jkun assigurat li din hija l-istess waħda.

Il-filmati tniżżlu minn fuq is-sistema ta’ Transport Malta li timmoniterja l-opri tal-baħar. Wieħed mill-filmati kien meħud fis-16 ta’ Ottubru, dakinhar li seħħet l-isplużjoni. Id-dgħajsa tidher ħierġa mill-Port il-Kbir kmieni filgħodu u tirritorna lura ftit wara li seħħet l-isplużjoni.

Mistoqsi mill-Qorti jekk jifhimx fil-mudelli tad-dgħajjes, Cutajar saħaq li l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu tikkonsisti fit-tqabbil ta’ stampa ma’ oħra jew filmat ma' ieħor iżda mhuwiex espert fid-dgħajjes.

Kien hawn li d-difiża saħqet li jekk il-prosekussjoni trid tikkumpara d-dgħajjes, ma għandhiex tagħmel dan billi tikkumpara żewġ filmati tad-dgħajsa 'Maya,' iżda tikkumparaha mal-filmati tad-dgħajjes kollha li dakinhar dehru ħierġa jew dieħla mill-port.

Il-prosekuzzjoni talbet li jseħħ dak li qed titlob id-difiża u ssuġġerit l-għajnuna tal-Kaptan Reuben Lanfranco li jifhem fil-mudelli differenti tad-dgħajjes.

Il-Qorti ħatret liż-żewġ esperti biex ikunu jistgħu jikkumparaw u janalizzaw il-filmati meħuda fit-23 ta’ Novembru ma' ritratt tad-dgħajsa 'Maya' li jinsab għand il-Pulizija.

Madanakollu, l-Ispettur Arnaud insista li fil-filmat l-isem tad-dgħajsa jidher “ċar daqs il-kristall,” u Degiorgio jidher ċar isuqha u jwassalha sat-tinda tal-patata.

Fi tmiem is-seduta, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit iddeċidiet li l-kumpilazzjoni tkompli fil-11 u fit-12 ta' Otturbu.

More in Qrati u Pulizija