Qorti | Jhedded tfajla taħt l-età biex tieħu sehem f'film pornografiku

Raġel tressaq akkużat li ġiegħel tfajla tagħmel is-sess miegħu biex ma jxerridx ritratti tagħha għarwiena

Raġel ta’ 31 sena tressaq akkużat li ġiegħel tfajla ta’ 15-il sena biex tipparteċipa f’filmat pornografiku billi jkollha x’taqsam miegħu.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel hedded lit-tfajla li jekk mhux se jkollha x’taqsam miegħu sesswalment se jkun qed ixerred ritratti tagħha għarwiena.

Ir-raġel qed ikun akkużat bi stupru meta ġiegħel bi vjolenza u bit-theddid lit-tfajla biex tipparteċipa f’wirja pornografika u jkollha x’taqsam miegħu. Akkużat ukoll li uża ħażin mezzi ta’ kommunikazzjoni u li pproduċa pornografija tat-tfal.

L-Avukat tat-tfajla, Veronique Dalli, spjegat kif ir-raġel ifissa fuq it-tfajla wara li ltaqa’ magħha għal xi drabi. Meta ddeċidiet li twaqqaf il-kuntatt miegħu, ir-raġel uża profili foloz fuq il-midja soċjali biex jheddida li jekk mhux se tkompli tiltaqa’ miegħu, kien se jxerred ritratti tagħha għarwiena.

Daħak biha meta wiegħda li jekk ikollha x’taqsam miegħu f’kamra ġo lukanda, kien se jħassar dawn ir-ritratti.

Il-Prosekuzzjoni tablet li l-Qorti taħtar espert biex jiġbor informazzjoni minn fuq il-profili li l-akkużat għandu fuq Facebook, Instagram u Snapchat.

L-akkużat ilu tliet xhur jgħix Malta u għandu permess ta’ residenza Taljana. Ġie Malta apposta biex jiltaqa’ mat-tfajla wara li kkomunikaw flimkien fuq Instagram

Huwa qed iwieġeb mhux ħati waqt li l-Avukat tad-Difiża, Christopher Chircop talab għall-ħelsien mill-arrest.

Madanakollu l-Prosekuzzjoni rrifjutat għax l-akkużat ma għandu l-ebda rabta f’Malta u anke għax il-vittma, li għad trid tixhed, toqgħod ftit ‘il bogħod minn fejn jaħdem.

Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest u ordnat li isem it-tfajla ma jixxandarx.

More in Qrati u Pulizija