Se żżomm lill-Pulizija responsabbli wara li kelb gidmilha wiċċha

Il-vittma fetħet protest ġudizzjarju għax fi kliemha l-Pulizija ma ħadux passi

Mara li ġiet attakkata f’wiċċha minn kelb fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Kummissarju tal-Pulizija wara li ma ttieħdux passi konta s-sid tal-kelb li baqa’ qatt ma nstab.

Il-vittma spiċċat għamlet 12-il punt fuq ħalqha.

Il-każ seħħ fi Frar li għadda meta l-kelb daħal ma sidu ġo ħanut li fih kienet taħdem il-vittma.

Il-mara misset il-kelb, bil-permess tas-sid u saħansitra tagħtu ‘treat’ li għaddhiela r-raġel stess. Iżda meta kienet se tqum bilwieqfa, il-kelb ħatafha u gidimha f’wiċċha.

Filmat tas-sid u tal-kelb ilhom iduru fuq il-midja soċjali iżda s’issa għadhom qatt ma nstabu.

Il-protest ġudizzjarju jgħid li l-mara ħeġġet lill-Pulizija biex jieħdu l-passi neċċessarji iżda dawn naqsu u għalhekk lesta tieħu passi legali kontrihom u saħanistra żżommhom responsabbli għad-danni.

More in Qrati u Pulizija