It-tmiem għall-'happy endings' f'erba' ħwienet tal-massaġġi

Raġel ammetta li kien qed imexxi stabbilimenti tal-massaġġi li kienu qed jintużaw għall-prostituzzjoni

Sid ta’ numru ta’ stabbilimenti tal-massaġġi ammetta li kien juża dawn il-proprjetajiet għall-prostituzzjoni hekk kif tressaq flimkien ma’ erba’ nisa Kolumbjani akkużati li kienu qed joperaw burdell.

Ir-raġel minn Marsaskala tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras akkużat li kien qed jaqla’ l-għixien tiegħu minn fuq il-prostituzzjoni u li kien qed imexxi burdell.

Il-pPosekuzzjoni spjegat kif ir-raġel kien jimjega lin-nisa biex apparti l-massaġġi joffru servizzi marbuta mas-sess lill-klijenti.

L-istabbilimenti tal-akkużat jinsabu fil-Fgura, f’San Ġiljan, Birkirkara u l-Ħamrun.

Intant, id-Difiża tiegħu enfasizzat li r-raġel ma kienx qed jitraffikka lin-nisa għall-esplojtazzjoni sesswali iżda kien qed jimpjegahom biss.

Insistiet li n-nisa aċċettaw minn jheddhom li jaħdmu mar-raġel u kollha kemm huma kellhom id-dokumenti u ċ-ċertifikati meħtieġa.

Il-Prosekuzzjoni ma talbitx għal sentenza effettiva ta’ ħabs anke għax il-kondotta tar-raġel kienet nadifa iżda tablet li jiġu rtirati l-liċenzji tal-istabbilimenti. Huwa kien is-sid ta' waħda mill-proprjetajiet u li ġiet ikkonfiskata. It-tliet stabbilimenti l-oħra kienu qed jinkrew.

L-akkużat ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, multa ta’ €450 u ma jistax jerġa’ japplikka għal-liċenzji qabel sentejn.

Intant, l-erba’ nisa, li għandhom bejn l-20 u t-33 sena, ingħataw sentenza ta’ sena ħabs, sospiżi għal sentejn u multi li jvarjaw bejn il-€100 u l-€150.

L-erbgħa li huma se jiġu ddeportati.

Intant, ħmistax ilu, tressaq akkużat raġel ieħor u erba’ tfajliet oħra bl-istess akkużi, b’waħda minnhom tirrakkonta kif ġieli kellha x’taqsam ma’ 12-il raġel f’ġurnata.

More in Qrati u Pulizija