Qorti | 'Ġieli kelli x'naqsam ma' 12-il raġel f'ġurnata'

  • Erba' impjegati nisa jirrakkuntaw dak li jsir fi stabbilimenti tal-massaġġi fejn kienu jaħdmu
  • Impjegata ġiet Malta apposta għax kellha bżonn il-flus biex bintha tagħmel operazzjoni
  • Kull ma kien jiġri kien jinġibed minn kameras tas-CCTV

“Ġieli kelli x’naqsam ma’ 12-il raġel f’ġurnata waħda.” Hekk qalet żagħżugħa li taħdem ma’ għadd ta’ nisa barranin oħra fi stabbiliment tal-massaġġi li s-sid tiegħu tressaq akkużat li qed imexxi burdell.

Din iż-żagħżugħa, flimkien ma’ tlieta oħra, ttellgħu l-Qorti aktar kmieni dalgħodu u nstabu ħatja li kienu qed jaħdmu f’burdell u kull waħda ngħatat sentenza sospiża ta’ sena ħabs.

Fil-Qorti nstema’ kif dawn in-nisa kienu jaħdmu fi tliet stabbilimenti, jiġifieri Faithful Massage Parlour f’Santa Venera, Body Kiss Massage fil-Pieta u The Queen Massage Parlour f’Birkirkara.

L-ewwel żagħżugħa, li għandha 28 sena, rrakkuntat kif ġiet Malta f’Lulju li għadda biex taħdem f’wieħed minn dawn l-istabbilimenti.

Irrakkuntat kif kull klijent jintalab iħallas €50. Kienet tagħti €25 lill-akkużat u żżomm il-bqija. Apparti minn hekk, kull impjegata kienet tagħti lis-sid €20 biex jinxtraw il-kontraċettivi u affarijiet oħra.

Kollox irrekordjat minn CCTV

Meta kienet mistoqsija mill-Ispettur John Spiteri, ix-xhud spjegat kif l-akkużat kien iżomm filmati tas-CCTV biex ikun jista’ jimmoniterja l-irġiel u dak li kienu qed jagħmlu n-nisa.

Qalet li l-irġiel kienu jidħlu, jinżgħu, jirċievu l-massaġġi u aktar tard, jekk ikunu jridu, jkollhom x’jaqsmu man-nisa.

“L-inqas darba li kelli x’naqsam kien ma’ ħamest irġiel...l-aktar 12,” kompliet tgħid iż-żagħżugħa waqt li spjegat kif l-akkużat kien jipprovdi l-condoms, wet wipes u anke ikel lin-nisa u kien imur għalihom u jwassalhom mix-xogħol.

'Snickers' il-kelma sigrieta flok condoms

Qalet ukoll kif qabel ma’ bdiet taħdem, l-akkużat kien spjegalha li x-xogħol jinvoli massaġġi u jekk ikun hemm bżonn, blowjobs u sess.

“Ftit irġiel ikunu jridu massaġġi biss,” qalet iż-żagħżugħa.

Żagħżugħa oħra qalet kif meta kienu jispiċċawlhom il-condoms, in-nisa kienu jibgħatu messaġġ fuq WhatsApp lill-akkużat u jgħidulhom li għandhom bżonn aktar ‘Snickers,” biex ma jiktbux condoms.

'Kelli bżonn il-flus biex binti tagħmel operazzjoni'

Mara oħra, li għandha 41 sena, irrakkuntat kif kienet ġiet Malta biex taħdem f’wieħed mill-istabbilimenti għax kellha bżonn il-flus biex it-tifla tagħha tkun tista’ tagħmel operazzjoni li kellha bżonn.

“Meta ġejt Malta kont naf għalfejn ġejja,” qalet il-mara. “Ma kontx se nitħallas dawk il-flus għall-massaġġi biss.”

Kompliet tispjega kif hi għandha ċertifikati mill-Ukraina li tista’ tagħmel il-massaġġi, anke għax kien ikollha bżonn tagħmel massaġġi lit-tifla tagħha. “Ħadd qatt ma talabni ċ-ċertifikati f’Malta,” kompliet tgħid din ix-xhur.

L-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest

Ir-raba’ u l-aħħar xhur waslet Malta l-ġimgħa li għaddiet u kkonfermat dak kollu li qalu t-tlieta l-oħra.

L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €10,000.

More in Qrati u Pulizija