Jingħata passaport falz fl-Italja biex ikun jista' jiġi Malta u jitlaq l-Ingilterra

Ir-raġel orġinarjament telaq mill-Albanija u kollox kien ippjanat minn qabel bil-għan li jasal ir-Renju Unit

Raġel Albaniż li ammetta li ġie Malta b'passaport iffalsifikat ingħata sentenza sospiża wara li d-Difiża argumentat li jekk jingħata sentenza ta' ħabs se jispiċċa piż fuq l-istat.

L-akkużat, li għandu 30 sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli wara li nhar il-Ħadd li għadda nqabad f'Malta b'passaport falz.

Lill-Pulizija huwa qalilhom li vvjaġġa lejn l-Italja b'passaport Albaniż u hemm iltaqa' ma' persuna oħra li tagħtu passaport falz. Qal li ġie Malta bil-għan li jmur ir-Renju Unit.

Kompla jgħid li l-istess persuna li tagħtu l-passaport falz tagħtu wkoll imejl ta' ċertu 'Tony Montana' u li kellu jikkuntatjah malli jasal ir-Renju Unit.

Id-Difiża saħqet li ġaladarba l-akkużat kien se jkun iddeportat ma kienx jagħmel sens li jingħata sentenza effettiva u kien għalhekk li saħqet li sentenza sospiża tkun ideali.

Minkejja dan, il-prosekuzzjoni agumentat l-oppost u qalet li din kienet it-tieni darba f'inqas minn erbat ijiem li persuna nqabdet tagħmel użu minn passaport falz.

Il-Qorti qablet mad-Difiża u tagħtu sentenza ta' 18-il xahar ħabs sospiżi għal erba' snin.

More in Qrati u Pulizija