18-il xahar ħabs għal accountant li seraq karozza minħabba d-droga

Il-Maġistrat ifakkru f'kemm studja u x'għandu x'joffri u jappellalu biex ibiddel ħajtu

Accountant ta’ 30 sena ngħata sentenza ta’ 18-il xahar ħabs wara li ammetta li seraq karozza u li sar reċidiv.

Iż-żagħżuħ kien akkużat li seraq il-karozza minn Triq Testaferrata f’Ta’ Xbiex bejn it-30 u l-31 ta’ Lulju li għadda u kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-probation li għandu minn każijiet oħra.

Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat ibati mill-vizzju tad-droga u anke kif irritorna l-karozza li kien seraq.

Huwa ngħata sitt xhur ħabs talli seraq il-karozza u 12-il xahar għax sar reċidiv.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale qallu li kieku ried seta’ jibgħatu sa 17-il sena ħabs iżda qed jagħtih ċans biex jaħdem kemm jiflaħ biex jerġa’ jieħu kontroll ta’ ħajtu.

“Inti studjajt u għandek ħafna x’toffri. Ma nixtieqx narak hekk,” insista l-Maġistrat waqt li appella lill-ġenituri tiegħu biex ikunu aktar sodi miegħu.

More in Qrati u Pulizija