Każ Daphne | L-Avukat Ġenerali jikkundanna lill-avukati tal-akkużati

 

...għal darb'oħra dawn talbu l-ħelsien mill-arrest

L-Avukati li qed jidhru għat-tliet akkużati fil-każ dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienu kkundannati mill-Avukat Ġenerali wara li għal darb’oħra, fetħu proċeduri ġodda quddiem il-Qorti Kostituzzjonali biex jitolbu l-ħelsien mill-arrest għall-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-istess Qorti, ma laqgħetx it-talba tal-Avukati wara li l-Imħallef Giovanni Grixti tefa’ dubju fuq kemm verament l-akkużati se jżommu mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u f'inqas minn 24 siegħa, l-Avukati tagħhom reġgħu għamlu l-istess talba.

L-Avukat William Cuschieri, f'isem l-avukati l-oħra, qed jinsisti li ma nġabet l-ebda evidenza li turi li l-akkużati mhux se jżommu mal-kundizzjonijiet li jiġu imposti fuqhom.

Fakkar li tul il-kumpilazzjoni tal-evidenza, s’issa dehru ‘l fuq minn 100 espert bl-evidenza tkun kollha dwar teknoloġija, mowbajls u torrijiet tal-kommunikazzjoni u li ftit li xejn xehdu persuni oħra.

Kompla jisħaq li ġaladarba skont il-liġi mhu qed jagħmel xejn ħażin, iħoss li għandu jerġa’ jiftaħ proceduri ġodda bil-għan li l-akkużati jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Qal ukoll li ma fadalx aktar xhieda li jistgħu jkunu influwenzati mill-akkużati u li ma hemmx ċans li l-akkużati jitilqu minn Malta ġaladarba għandhom il-familji tagħhom hawn.

Ikkwota wkoll deċiżjoni tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li tisħaq kif is-serjetà tal-każ mhux biżżejjed biex tiġġustifika żmien twil ta’ arrest.

Qal li wieħed mill-akkużati, Alfred Degiorgio, kien iffirma l-ktieb għall-ħelsien mill-arrest għal 18-il sena sħaħ fuq każ li kien inħeles minnu. “It-tlieta li huma kellhom każijiet fil-passat u kull meta ngħataw il-ħelsien mill-arrest dejjem irrispettaw il-kundizzjonijiet,” kompla l-Avukat.

'Għada għaddejja inkjesta u jistgħu jitressqu aktar persuni' - L-AĠ

Iżda fit-tweġiba, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali insista li f’Malta hawn Qorti Kriminali waħda u kienet din l-istess Qorti li 24 siegħa qabel irrifjutat il-ħelsien mill-arrest.

Fakkar ukoll li għadha għaddejja inkjesta maġisterjali dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li allura fadal il-possibbilità li jkun hemm persuni oħra li jkunu akkużati.

Kompla jispjega li minħabba s-serjetà tal-każ, jekk l-akkużati jingħataw il-ħelsien mill-arrest, jista’ jinħoloq sentiment xejn sabiħ fost il-poplu.

Cuschieri jinsisti li l-akkużati, sakemm mhux misjuba ħatja, għadhom innoċenti

Iżda dwar dan, dlonk reġa’ wieġeb Cuschieri li insista li l-ħelsien mill-arrest ma tagħtihx il-midja jew il-poplu u ġaladarba dan mhux imniżżel fil-kodiċi kriminali ma għandhux ikun ikkunsidrat.

Temm jinsisti li l-Qorti trid issib bilanċ bejn l-interess pubbliku u l-fatt li sakemm jinsabu ħatja, l-akkużati huma innoċenti.

More in Qrati u Pulizija