Sentenza sospiża għall-anzjan li ta daqqa ta' mus waqt il-marċ tal-festa

Il-każ seħħ ilbieraħ waqt il-marċ tradizzjonali ta' filgħodu f'Birżebbuġa

Anzjan ingħata sentenza sospiża ta’ sena ħabs wara li ammetta li ta’ daqqa ta’ mus lil raġel ieħor waqt il-marċ tal-festa ta’ Birżebbuġa.

Fil-Qorti nstema’ kif l-anzjan, li għandu 68 sena, ta’ daqqa ta’ mus lil raġel ieħor li kellu xi jgħid ma’ ibnu.

L-anzjan tressaq akkużat li pprova jweġġa’ serjament raġel ieħor, li kkawża ġrieħi ħfief fuq persuna oħra u li kien qed iġorr arma mingħajr liċenzja.

Kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika u seta’ jeħel sa massimu ta’ għaxar snin ħabs.

L-Avukat Franco Debono, li deher għall-akkużat, insista li hu kkopera mal-Pulizija u mill-ewwel talab maħfra lill-vittma. Il-prosekuzzjoni kkonfermat dan.

Min-naħa tagħha, il-Qorti saħqet li jiddispjaċiha tara l-festi tal-ibliet u l-irħila jispiċċaw bil-ġlied u l-firda bejn in-nies.

Apparti s-sentenza sospiża għal sentejn, huwa ġie orndat iħallas garanzija personali ta’ €2,000.

More in Qrati u Pulizija