Il-Qorti tgħid li ma hemmx biżżejjed provi u teħles liċ-Ċaqnu minn akkużi kriminali

...dan wara li tigra kienet attakkat tifel ta' 3 snin fil-park tal-annimali f'Montekristo

In-negozjant Carmel Polidano, magħruf bħala ċ-Ċaqnu, inħeled mill-akkużi kriminali li tressqu kontrih meta tigra kienet attakkat u kkawżat ġrieħ gravi f'wiċċ tifel ta' tliet snin fil-Park tal-Annimali f'Montekristo Estate.

Polidano, flimkien ma' Michael Mercieca u Muhammed Saleem, li kien qed jieħu ħsieb it-tigra, kienu qed jiġu akkużati li l-inċident seħħ minħabba traskuraġni tagħhom.

Iċ-Ċaqnu waħdu kien akkużat ukoll li qed iżomm annimali perikolużi f'zoo bla liċenzja u li anke sar reċidiv.

Il-każ kien seħħ fit-28 ta' Novembru tal-2015 waqt li t-tigra kienet inħarġet mill-gaġġa tagħha biex tittieħed dawra.

'Tigra waħda ma tagħmilx zoo'

Waqt li kkwota mil-liġi, il-Maġistrat Joe Mifsud osserva li zoo huwa deskritt bħala stabbiliment li fih jinżammu għadd ta' annimali selvaġġi għall-wiri għal sebat ijiem jew aktar fis-sena.

Iżda tigra waħda ma tagħmilx zoo, qalet il-Maġistrat. Insista li hu kellu quddiemu ritratt ta' annimal wieħed, ma kien hemm l-ebda prova li kien hemm aktar annimali fil-park u ħadd ma ppreżentalu lista tal-annimali.

'Il-Prosekuzzjoni ma approvatx li kien hemm zoo'

"Il-prosekuzzjoni sparat f'saqajha," qal il-Maġistrat waqt li spjega li bl-ebda mod ma pprovat li l-park tal-annimali kien ilu jopera għal aktar minn sebat ijiem kien tgħid il-liġi. Il-Maġistrat insista li mill-informazzjoni jirriżulta li l-pubbliku kien daħal darba biss fiż-zoo.

Dwar Polidano, il-Maġistrat qal li ma sabx biżżejjed evidenza li turi li kien hu li ordna li t-tigra tinħareġ mill-gaġġa.

Iċ-Ċaqnu jeħlisha u jaqlagħha l-impjegat

Minkejja dan, Muhammad Saleem instab li aġixxa b'negliġenza meta ħa t-tigra għal mixja b'żoni aċċessibbli mill-pubbliku.

Waqt li nnota li l-akkużat laħaq ftehim barra mill-Qorti mal-vittma, din tatu l-libertà kkundizzjonata għal 3 snin u anke ordnatlu jħallas l-ispejjeż tal-każ.

More in Qrati u Pulizija