'Nobgħod lili nnifsi għax miet minħabba fija' - Iż-żgħażugħ li tajjar tmien persuni

Iż-żagħżugħ kien qed isuq minn Paceville għall-Balluta meta tilef il-kontroll, għax kien fis-sakra, u tajjar tmien persuni, b'wieħed minnhom jitlef ħajtu

"Nobgħod lili nnifsi għax miet minħabba fija. Ma nistax nimmaġina dak li għaddejja minnu l-familja tiegħu. Nixtieq nagħti kumpens lill-familja tiegħu, dak biss nista' nagħmel anke jekk ikolli naħdem għall-kumplament ta' ħajti. Ma kellux imut hu, jien kelli mmut."

Dawn kienu l-kelmiet ta' żagħżugħ ta' 20 sena li waqt li kien fis-sakra, tilef il-kontroll tal-karozza, tela' fuq il-bankina u tajjar 8 persuni, b'żagħżugħ minnhom, li kellu 19-il sena, jitlef ħajtu ftit tal-jiem wara.

Huwa tressaq akkużat li kien qed isuq b'mod traskurat u fis-sakra. Huwa qed iwieġeb mhux ħati.

L-Ispettur spjega kif iż-żagħżugħ ingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm ikun magħruf kif se jgħaddu l-vittmi, iżda malli miet wieħed minnhom, kellhom iżidu l-akkuża ta' umiċidju involontarju.

Fil-Qorti nstema' kif il-bankina hija għolja u dan juri li l-akkużat kien qed isuq ftit mhux ħażin biex irnexxielu jaqbiżha u jispiċċa fuqha. Huwa kien Paceville u kien sejjer għand in-nanna tiegħu li toqgħod il-Balluta.

L-Avukat Joe Giglio talab għall-ħelsien mill-arrest, kemm għax il-kondotta tal-akkużat nadifa u anke ma hemm l-ebda biża' li dan jaħrab mill-pajjiż. Talab li jitpoġġa taħt curfew u ma jitħallix isuq. L-akkużat infaqa' jibki waqt li qed jitkellem l-Avukat.

Il-Maġistrat, min-naħa tiegħu, saħaq li s-soċjetà qed tillaxka fejn jidħol il-konsum tal-alkoħol u s-sewqan u jrid jibgħat messaġġ. "Qabel mhux se ndaħħlu d-dixxiplina, nies se jibqgħu jmutu."

L-akkużat se jkun qed jinżamm arrestat id-dar tiegħu u ġie ordnat jiffirma fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa. Huwa ntalab iħallas depożitu ta' €2,000 u garanzija personali ta' €10,000.

Huwa ġie ordnat biex ma jsuqx. "Imxi sal-għassa. Jgħammilek tajjeb," saħaq il-Maġistrat.

More in Qrati u Pulizija