L-eks Sindku Slimiż meħlus mill-akkużi ta' tixħim

Huwa kien instab ħati u saħansitra weħel sentenza ta' sena ħabs

L-eks Sindku ta' Tas-Sliema, Nikky Dimech, inħeles mill-akkużi ta' tixħim u li hedded uffiċjal pubbliku wara li l-każ tiegħu reġa' nstema' mill-bidu fuq ordni tal-Qorti tal-Appell.

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati u kienet tagħtu sentenza ta' sena ħabs, iżda l-Qorti tal-Appell kienet bidlet id-deċiżjoni u ordnat li l-każ jibda mill-bidu.

Huwa kien akkużat li talab ħlas mingħand l-eks manager tal-kuntratti tal-Kunsill Lokali Slimiż. Dan kien allega li Dimech talbu l-flus għal kuntratt li kien irnexxielu jirbaħ mal-kunsill.

Il-kuntratt kien jibda b'perjodu ta' prova għal sitt xhur u seta' jitwaqqaf kieku s-servizz ta' Buhagiar ma kienx kif mixtieq.

Fil-fatt hekk kien ġara u Buhagiar kien immedjatament irrapporta lill-pulizija u qal li twaqqaf għax ma kienx aċċetta li jagħti l-flus lil Dimech.

Intant, fid-deċiżjoni, il-Maġistrat Joe Mifsud wara li ħa inkonsiderazzjoni l-fatti kollha tal-każ, ikkonkluda li l-kuntratt ingħata biss li dak li ppreżenta l-aktar kuntratt vijabbli ekonomikament lill-kunsill.

Innota kif wara li kien itterminat l-kuntratt ta' Buhagiar, is-servizz tħalla f'idejn il-kuntrattur li fl-ewwel sejħa, il-proposta tiegħu kienet it-tieni preferita.

Innota wkoll kif Buhagiar għamel ir-rapport wara li kien itterminat il-kuntratt tiegħu u mhux qabel.

More in Qrati u Pulizija