Jinża għarwien u jwaddab flixkun tal-ħġieġ lejn uffiċjali taċ-Ċentru Miftuħ

Il-każ seħħ nhar is-Sibt li għadda fil-Marsa

Żagħżugħ li neża għarwien u waddab flixkun tal-ħġieġ lejn uffiċjali taċ-Ċentru tad-Detenzjoni nżamm arrestat fl-Isptar Monte Carmeli biex jingħata kura psikjatrika.

L-akkużat, li għandu 22 sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras akkużat li insulta u hedded żewġ uffiċjali taċ-ċentru tal-Marsa, li neża għarwien fil-pubbliku, li kiser il-paċi pubblika, li kien fis-sakra u li ma kienx f'pożizzjoni li jikkontrolla lilu nnifsu, fost oħrajn.

Kien is-Sibt meta l-Pulizija kienet infurmata li kien hemm persuna li marret fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa u beda jhedded żewġ uffiċjali.

L-Ispettur Alfredo Mangion qal li f'ħin minnhom iż-żagħżugħ neża l-qalziet u beda jagħmel mossi. "Kien fis-sakra, ma għandux fejn joqgħod u għandu l-problema tax-xorb," qal l-Ispettur.

Huwa wieġeb mhux mhux ħati għalkemm f'ħin minnhom qam fil-Qorti u beda jgħajjat, b'mod aggressiv, li ried iwieġeb ħati għal uħud mill-akkużi.

Il-Qorti appuntat psikjatra biex jeżamina l-istat mentali tal-akkużat u jekk hux f'pożizzjoni li jgħaddi ġuri.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, kemm għax ma għandu l-ebda rabta f'Malta u anke minħabba l-fatt li jista' javviċina lix-xhieda.

Id-difiża talbet li jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli biex jingħata l-għajnuna li għandu bżonn.

More in Qrati u Pulizija