'Lesta tagħmel minn kollox biex tiffroda lil kulħadd'

Il-Qorti tal-appell tikkonferma s-sentenza lil mara li kienet tikri l-farmhouses li mhux tagħha

L-Imħallef Giovanni Grixti kkonferma s-sentenza ħabs li ngħatat lil mara misjuba ħatja b’diversi każi ta’ frodi.

Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef iddeskriva lil mara bħala: “persuna li lesta tagħmel minn kollox biex tiffroda lil kull persuna li tiltaqa’ magħha, inkluż l-uffiċjal tal-probabtion.”

Lura f’Ottubru tal-2014, il-mara, li għandha 32 sena, kienet wieġbet ħatra li ffrodat €1,000 lil raġel Ingliż meta krietlu appartament li ma kienx tagħha.

Dan ma kienx l-ewwel każ li kienet akkużata dwaru. Bl-istess mod hija kienet tikri diversi farmhouses f’Għawdex li ma kinux tagħha.

Hija kienet ingħatat sentenza ta’ seba’ snin ħabs iżda kienet appellat għax saħqet li s-sentenza kienet ħarxa wisq.

Minkejja dan, fis-sentenza, l-Imħallef qal li l-mara gidbet anke lill-uffiċjal tal-probation tagħha u dan meta qiegħed hemm biex jgħinna.

Temm jisħaq li f’ċirkostanzi bħal dawn il-Qorti ma tarax għalfejn għandha tbiddel is-sentenza mogħtija mill-Ewwel Qorti.

More in Qrati u Pulizija