Il-bastiment Lifeline ma setax ibaħħar fl-ibħra internazzjonali

...Ir-Reġistratur Ġenerali tal-Bastimenti Merkantili qal li l-bastiment huwa rreġistrat biss ma' klabb tal-jottijiet

Il-kaptan tal-bastiment mal-attivisti quddiem il-Qorti
Il-kaptan tal-bastiment mal-attivisti quddiem il-Qorti

Ir-Reġistratur Ġenerali tal-Bastimenti Merkantili fi Transport Malta, Ivan Sammut qal li l-bastiment MV Lifeline ma jappartjeni għall-ebda pajjiż, jiġifieri mhuwiex bastiment irreġistrat.

Huwa qal dan meta kien qed jixhed fil-każ kontra l-kaptan tal-bastiment Lifeline, Claus-Peter Reisch li qed ikun akkużat b’reġistrazzjoni rregolari tal-bastiment, li permezz tiegħu salva 234 immigrant.

Waqt ix-xhieda tiegħu, Ivan Sammut saħaq li l-bastiment Lifeline kellu biss ċertifikazzjoni minn klabb tal-jottijiet fl-Olanda u dan bl-ebda mod ma jfisser li l-bastiment kien qed itajjar il-bandiera Olandiża, kien insista kemm-il darba l-ekwipaġġ.

“Bastiment mingħajr nazzjonalità ma jistax ibaħħar b’ibħra internazzjonali,” saħaq Ivan Sammut.

Huwa qal li uffiċjali għolja Olandiżi taw konferma bil-miktub li l-bastiment ma kienx irreġistrat f’pajjiżhom għall-fini ta’ liġijiet internazzjonali.

Kien irreġistrat biss bħala bastiment għar-rikreazzjoni ma’ klabb tal-jottijiet Olandiż mingħajr l-ebda dritt li jtajjar il-bandiera Olandiża.

Il-kaptan kellu jitwaqqaf meta pprova jidħol Malta

Xhud ieħor kien Col Clinton O’Neil, kap tal-operazzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta u anke l-koordinatur tas-salvataġġ li spjega kif il-kaptan kien ipprova jidħol bil-vapur fil-port Malti u kellu jiġi mwaqqaf.

Meta mistoqsi mid-Difiża biex jispjega liema ordnijiet inkissru mill-kaptan tal-bastiment meta kien fl-ibħra internazzjonali, O’Neil qal li l-awtoritajiet Libjani kienu ħadu f’idhom is-salvataġġ u kien obligat li jagħmel dak li jgħidulu l-Libjani.

“L-informazzjoni li għandna aħna hija li l-kaptan mar kontra l-istruzzjonijiet mogħtija lilu mil-Libja,” kompla O’Neil.

Minkejja dan, ma kienx f’pożizzjoni li jikkonferma dak li qalet l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima jiġifieri li l-Libja ma weġbitx għas-sejħiet tagħha. Qal biss li l-Forzi Armati kienu infurmati li kienet saret kommunikazzjoni bejn il-Lifeline u l-awtoritajiet Taljani.

Intant dalgħodu ħalla Malta l-ewwel grupp ta’ immigranti li ddaħħlu abbord il-bastiment. Dawn telqu kmieni dalgħodu lejn Franza, wieħed mid-disa’ pajjiżi li qablu li jgħinu lil Malta.

More in Qrati u Pulizija