L-aħwa Degiorgio u s-sieħba taċ-Ċiniż akkużati b'ħasil ta' flus

L-aħwa Degiorgio ma jaħdmux imma l-istil ta' ħajja li jgħixu qajjem suspett fost il-pulizija li wettqu aktar investigazzjonijiet

George Degiorgio, is-sieħba tiegħu Anca Adelina Pop iċ-Ċiniż u ħuħ Alfred Degiorgio, il-Fulu, tressqu quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, akkużati b’ħasil ta’ flus.

Għalkemm l-aħwa Degiorgio ma jaħdmux, l-istil ta’ ħajja li jgħixu, il-karozzi u d-dgħajjes li huwa sidien tagħhom, qajmu suspett fost il-pulizija li ddeċidew li jinvestigaw aktar.

Kien hawn li l-pulizija kellha biżżejjed evidenza biex tressaq lill-aħwa Degiorgio u lis-sieħba taċ-Ċiniż u takkużahom b’ħasil ta’ flus.

L-aħwa jinsabu arrestati hekk kif qed ikunu akkużati wkoll, flimkien ma’ Vince Muscat, bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Waqt l-investigazzjoni b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia, il-Pulizija taw ħarsa wkoll lejn it-tranżazzjonijiet bankarji u l-flus tal-akkużati u dan żied is-suspett tagħhom li l-aħwa kienu involuti fil-ħasil tal-flus.

It-tlieta li huwa wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

L-Avukat David Gatt talab li isem l-akkużata ma jkunx ippubblikat minħabba l-fatt li hija trabbi erbat itfal, tnejn minnhom tal-koppja u insista li l-ulied ma għandhomx jispiċċaw vittma.

Minkejja dan, il-Prosekuzzjoni saħqet li dan l-argument ma għandu l-ebda bażi fil-liġi u fakkar li isem il-missier huwa diġà pubbliku.

Kif jiġri fil-każijiet kollha ta’ ħasil ta’ flus, il-Maġistrat ordnat li jiġu ffriżati l-assi kollha tal-akkużati u kkonfiskat il-flus u l-proprjetà kollha tagħhom.

Id-Difiża għamlet ukoll talba biex il-mara tingħata l-ħelsien mill-arrest, kemm għax għandha kondotta nadifa u anke minħabba t-trobbija tal-ulied.

“Il-ġurnata tagħha tibda fis-sitta ta’ filgħodu u tispiċċa meta l-ulied jorqdu,” saħaq l-akkużat. “Minn se jbati? L-erbat itfal.

L-Ispettur ikkonferma li l-mara qed tieħu ħsieb erbat itfal iżda xorta waħda oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li r-reat huwa wieħed serju u jġorr pieni ħorox.

Saħaq ukoll li għad fadal ħafna xhieda u minħabba li hu Rumena hemm ċans li tħalli Malta ġaladarba għandha rabtiet barra minn Malta.

Iżda id-Difiża qalet li dan l-argument ma jagħmilx sens għax hi kienet infurmata b’din l-investigazzjoni immedjatament wara li r-raġel kien arrestat u allura kella seba’ xhur ċans kieku riedet taħrab.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija