Tal-festa baqgħu deħlin bil-forklift u faqgħulu l-bieb tad-dar

Raġel jinżamm arrestat wara li ħebb għal grupp ta' dilettanti tal-festa li faqgħulu l-bieb u spiċċa biex weġġa' żewġ pulizija

Raġel qed jinżamm arrestat wara li ħebb għal grupp ta’ rġiel li waqt li kienu qed jarmaw għall-festa faqgħulu l-bieb tad-dar b’forklift.

Jidher li l-forklift spiċċa fil-bieb waqt ġlieda li qamet bejn id-dilettanti tal-festa.

Malli wasal lura d-dar, ir-raġel sab lil martu u lil bintu quddiem id-dar waqt li l-pulizija kienu qed jitkellmu ma’ grupp ta’ madwar 20 dilettant tal-festa.

Fil-Qorti nstema’ kif l-omm u l-bint twerwru meta l-irġiel qabdu jagħtu u kien għalhekk li r-raġel li għandu 44 sena minn Ħal Qormi ħebb għall-irġiel.

Fil-Qorti ntwera filmat, meħud minn kamera tas-CCTV, li juri lir-raġel iħebb għad-dilettanti wara li tkellem ma’ martu u anke lill-pulizija jippruvaw iżommuh u jissaraw miegħu. Tant kemm issaraw biex jikkalmawh li pulizija ġibed muskolu f’dahru u ieħor weġġa’ jdejh.

Ir-raġel tressaq akkużat li weġġa’ uffiċjali tal-pulizija, heddidhom, li rreżista l-arrest u li ma obdiex l-ordnijiet tagħhom. Illum, ħadd mid-dilettanti tal-festa ma tressaq il-Qorti.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bl-Avukat Martha Mifsud tinsisti li fl-ebda ħin ma’ attakka lill-pulizija. Saħqet li l-mara tar-raġel ma taħdimx u li l-akkużat ma jistax jaffordja li jitlef ix-xogħol. Kien għalhekk li talbet għall-ħelsien mill-arrest.

“Mhux sew li tgħabbu lil dan ir-raġel bir-reati ta’ ħaddieħor,” saħqet Mifsud waqt li ddeskriviet lir-raġel bħala vittma taċ-ċirkostanzi. Insistiet li hu ma kienx involut fil-ġlieda. “Il-ġlieda kienet bejn grupp ta’ persuni li kkawżawlu ħsara fid-dar.”

Minkejja dan, il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Roderick Agius u Shaun Friggieri saħqet li r-raġel kien aggressiv u lanqas biss ikkalkula lill-pulizija meta kellmuh, għalkemm spjega li l-Pulizija mhux qed tgħid li weġġagħhom apposta.

“Meta jitlifha jkun tilifha,” saħaq l-Ispettur. “Dan huwa riskju għall-ordni pubblika.”

“Jekk jinżamm arrestat tkunu qed tiksrulu d-drittijiet tiegħu,” saħqet l-Avukat. “Il-Pulizija ma għandhomx drittijiet,” dlonk wieġeb l-Ispettur.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Maġistrat Marseanne Farrugia qalet li ġaladarba l-festa għadha għaddejja, ikun riskju li teħislu mill-arrest, minħabba li hemm ċans kbir li jerġa’ jiltaqa’ mal-istess grupp ta’ persuni.

“Ir-raġel mhux kapaċi jikkontrolla lilu nnifsu,” ikkonkludiet il-Qorti u kien għalhekk li ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.

More in Qrati u Pulizija