Alfred Mifsud ordnat iħallas €6,000 lill-eks sieħba tiegħu

Mifsud kien waqaf iħallas 'il-manteniment' wara li dehru blogs fuqu miktuba minn Daphne Caruana Galizia

Qorti tal-Appell ordnat lill-eks Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Alfred Mifsud biex iħallas €6,000 lill-eks sieħba tiegħu biex hekk biddlet deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati.

Il-każ huwa dwar żewġ kontribuzzjonijiet ta’ €3,000 il-waħda li Mifsud aċċetta li jħallas lill-eks sieħba tiegħu kull xahar sakemm it-tfal jitilqu mid-dar.

Mifsud kien ilu 23 sena f’relazzjoni ma’ Zelbst u kellhom żewġt itfal li għandhom 22 u 19-il sena. Il-koppja nfirdet fil-bidu tal-2016.

L-eks bankier kien qed iħallas €3,000 kull xahar lil Zelbst iżda waqaf jagħmel dan f’Mejju tal-2016.

Anna Zelbst kienet qed targumenta li Mifsud kien aċċetta, bil-miktub, li jagħtiha dawn il-flus iżda Mifsud kien qed jisħaq li Zelbst ma setgħetx titlob manteniment ġaladarba t-tfal ma għadhox minuti u ċaħad li kien obbligat jagħmel dan.

Skont Zelbst, Mifsud kien beda jagħtiha ċekk ta’ €3,000 kull xahar u aktar tard talbitu biex iħallasha b’direct order. Mifsud kien iffirma dikjarazzjoni bil-miktub li fiha kien wera l-intenzjoni tiegħu li jibqa’ jħallasha kull xahar.

Din id-dikjarazzjoni kienet tpoġġiet ġo folder fid-dar ta’ Zelbst u kopja tagħha mibgħuta lil avukat.

Skont Zelbst, Mifsud kien “seraq” din id-dikjarazzjoni fi żmien meta hin kienet imsiefra. U ċaħad din l-akkuża.

Kien ftit wara li diversi allegazzjonijiet fuq Mifsud bdew jidhru fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia u kien hawn li waqaf iħallas il-manteniment u minflok kien qed jagħti €250 fil-ġimgħa direttament lill-uliedu.

Zelbst kienet ħadet dan il-każ il-Qorti iżda l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kienet iddeċidiet li d-dikjarazzjoni ma kinitx kuntratt iżda sempliċiment wiegħda u minħabba li ċ-ċirkostanzi nbiddlu, l-intenzjoni nbiddlet.

Minkejja dan, il-Qorti tal-Appell, immexxija mill-Imħallef Anthony Ellul saħqet li Mifsud kien intrabat li jħallas dawn il-flus u semmiet ukoll messaġġ li kien bagħat l-istess Mifsud lill-eks sieħba tiegħu jgħidilha li “l-kelma tiegħi biżżejjed,” iżda li xorta kien se jniżżel dan fuq karta ffirmata.

Insista li l-blogs li nkitbu fuqu ma jiġġustifikawx il-bidla fl-intenzjoni tiegħu.

More in Qrati u Pulizija