Joe Brincat jitlob lill-Qorti biex ikun hu li jiddefendi l-liġi tal-IVF

Dan wara li l-Avukat Tonio Azzopardi fetaħ każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali għax fi kliemu, il-liġi tmur kontra l-Kostituzzjoni

L-Avukat u l-eks Ministru Joseph Brincat talab lill-Qorti biex ikun hu li jiddefendi l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni kif emendat mill-Gvern, wara li l-Avukat Tonio Azzopardi fetaħ każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali għax fi kliemu, il-liġi tmur kontra l-Kostituzzjoni.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Avukat Azzopardi fetaħ dan il-każ u talab lill-Qorti biex tiddikjara li l-emendi fil-liġi jiksru d-dritt tal-ħajja.

Fl-applikazzjoni li fetaħ kontra l-Avukat Ġenerali, Azzopardi saħaq li l-ħajja, fis-sistema legali Maltija, hija protetta mill-konċepiment.

Iżda dalgħodu, Brincat talab lill-Qorti Kostituzzjonali biex jiddefendi din il-liġi.

Insista li l-Avukat Azzopardi kellu kull dritt li jiftaħ din il-proċedura u hu għandu kull dritt biex jiddefendi din il-liġi.

Saħaq li jekk din il-Qorti tiddikjara li din il-liġi tikser il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, it-tneħħija tagħha se jkun qed jikser ukoll id-dritt li wieħed ikollu familja, għal dawk il-koppji li jixtiequ jagħmlu użu mill-IVF biex ikollhom it-tfal.

Insista li jekk dawn se jkunu mċaħda minn dan id-dritt, l-Istat se jkun qed ifalli mill-obbligazzjoni tiegħu taħt il-Konvenzjoni.

Waqt li rrefera għall-Avukat Azzopardi, insista li skont artiklu 116 tal-Kostituzzjoni meta persuna tiftaħ proċeduri tisħaq li nkisrulha d-drittijiet fundamentali tagħha, trid turi li għandha interess dirett u personali u mhux sempliċiment taġixxi f’isem grupp ta’ persuni.

More in Qrati u Pulizija