Qorti | Issawwat lil bintha biċ-charger tal-mowbajl

Omm wieġbet ħatja li sawtet lil bintha wara li l-għalliema tal-iskola nnutaw ġrieħi fuq it-tifla ta' disa' snin

Omm tressqet il-Qorti akkużata li sawtet lil bintha ta’ disa’ snin biċ-charger tal-mowbajl. 

Kienu l-għalliema fl-iskola li nnutaw il-marki tas-swat fuq it-tifla u l-iskola infurmat minnufih lill-Aġenzija Appoġġ li ħadu dan il-każ quddiem il-Pulizija.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, l-Ispettur Paula Ciantar ressqet lill-omm, li għandha 45 sena, mill-Marokk, akkużata li kkawżat ġrieħi  ħfief fuq it-tifla, fost oħrajn.

Fil-Qorti ntwerew ukoll ritratti li juru d-daqqiet li t-tifla kellha kkawżati mill-wajer taċ-charger.

L-akkużata, bid-dmugħ f’għajnejha, wieġbet ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha u wiegħdet lill-Qorti li ma terġax tagħmel l-istess. Qalet li hi riedet biss tikkoreġi lit-tifla.

Qabel ma tagħti s-sentenza, il-Maġistrat ordnat li tingħata rapport fuq iċ-ċirkostanzi li fihom it-tifla kienet qed tgħix.

L-Avukat Dustin Camilleri talab il-ħelsien mill-arrest u l-Qorti aċċettat din it-talba fuq depożitu ta’ €150 u garanzija personali ta’ €5,000.

Il-Maġistrat ordnat ukoll li t-tifla tingħata l-protezzjoni u ordnat lill-omm biex ma tersaqx lejn bintha u lanqas tikkomunika magħha sakemm tingħata s-sentenza.

Preżentament it-tifla qed tgħix f’dar residenzjali. 

More in Qrati u Pulizija