'Naħseb fetaħ kumpanija fil-Panama għad-Dar tal-Providenza'; Azzopardi jinfaqa' kontra Mizzi

  • Jason Azzopardi jinfaqa' fil-Qorti meta Konrad Mizzi ma jfeġġx għal-libell li fetaħ hu stess
  • Mizzi jinsisti li l-kontenut tal-libell huwa suġġett ta' inkjesta maġisterjali

Id-Deputat Jason Azzopardi iddeskriva t-talba tal-Ministru Konrad Mizzi biex ma jkunx mistoqsi mill-avukati waqt libell li fetaħ huwa stess, bħala “abbuż oxxen tal-proċedura.”

Fil-Qorti, Azzopardi li ħadha bi kbira meta Konrad Mizzi ma tfaċċax, qal li l-Ministru qed juża kull skuża biex ma jkunx mistoqsi u ma jidhirx il-Qorti.

“Naħseb fetaħ il-kumpanija fil-Panama biex jgħin lid-Dar tal-Providenza,” saħaq Azzopardi sarkastikament.

Il-Ministu Konrad Mizzi kien fetaħ libell kontra Jason Azzopardi u anke Marthese Portelli wara konferenza konġunta li kienu għamlu f’Mejju tal-2016 dwar il-privatizzazzjoni tal-Enemalta u l-involviment ta' Ċiniż li għandu kumpanija offshore, miftuħa mill-istess kumpanija li fetħet il-kumpaniji fil-Panama ta' Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff f'Kastilja, Keith Schembri.

Mizzi qiegħed jirrifjuta li jixhed f’dan l-istess libell li fetaħ għax fi kliemu, l-istess kwistjoni li dwarha infetaħ il-libell, jiġifieri l-Panama Papers, huma suġġett ta’ inkjesta maġisterjali.

Dwar din l-istess inkjesta, hemm appelli li kien tressqu mill-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, il-Ministru Mizzi, Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, Malcomn Scerri, u l-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers Adrian Hillman.

Minħabba dan l-appell, il-Maġistrat Ian Farrugia ma jistax ikompli għaddej bl-inkjesta u apparti minn hekk, l-istess appelli waqfu wara li l-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kien talab lill-Imħallef Antonio Mizzi biex jirrikuża ruħu għax huwa r-raġel tal-Ewroparlamentari Marlene Mizzi.

Filwaqt li l-Avukat Peter Fenech qal li l-każ ma għandu xejn x’jaqsam mal-Panama, għax huwa dwar l-Enemalta, l-Avukat ta’ Konrad Mizzi Aaron Mifsud Bonnici insista li fih hemm referenza għall-kumpaniji fil-Panama.

Il-każ ikompli f’Ottubru.

More in Qrati u Pulizija