'Titlu bit-tir li jkisser ir-reputazzjoni'; Mizzi jirbaħ libell kontra The Malta Independent

Eks ġurnalista ta’ The Malta Independent kienet ordnata tħallas €2,000 lill-Ministru Konrad Mizzi

Il-Ministru Konrad Mizzi rebaħ libell kontra eks ġurnalista ta’ The Malta Independent, li kienet ordnata tħallas €2,000 lill-Ministru, minħabba bidliet f’artiklu li saru mill-editur tagħha.

Il-ġurnalista Helena Grech kienet kitbet artiklu, bit-titlu orġinali tiegħu kien “Co-founder of Mossack Fonseca says company did not know Konrad Mizzi was politician.”

Dan l-artiklu kien jgħid li Ramon Fonseca Mora, wieħed mill-fundaturi ta’ Mossack Fonseca, ma kienx jaf li Konrad Mizzi kien politiku, fi żmien li l-kumpanija kienet qed toffrilu s-servizzi tagħha.

Minkejja dan, l-artiklu kien editjat aktar tard, b’editur ibiddel kemm it-titlu u anke l-kontenut tal-artiklu u ppubblikah xorta waħda f’isem il-ġurnalista. Fil-ġurnaliżmu, din il-prattika hija komuni.

Dan l-artiklu kien imbagħad ippubblikat f’April tal-2016, bit-titlu “Konrad Mizzi did not divulge he was a politician - cofounder of Mossack Fonseca.”

L-artiklu kien jiftaħ jisħaq li Mizzi ma kienx qal li kien politiku fi żmien li talab is-servizzi ta’ Mossack Fonseca.

Iżda, minn dokumenti li l-Ministru Konrad Mizzi pprovda fil-Qorti, jidher ċar li kien indika li kien ‘Politically Exposed Person’ meta talab is-servizzi tal-kumpanija.

Kien għalhekk li l-Qorti ddikkjarat li kemm il-kontenut u anke t-titlu tal-artiklu kienu qed jiżgwidaw lill-qarrej.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti rreferiet anke għal sentenzi oħra u saħqet li għandu jinstab bilanċ bejn il-libertà tal-espressjoni u r-reputazzjoni tal-persuna.

Insistiet li jekk ma hemmx biżżejjed evidenza, il-ġurnalist għandu jżomm lura milli jippubblika artiklu.

Ikkundannat ukoll il-fatt li filwaqt li l-ġurnalista rrappurtat il-fatti, kemm fl-artiklu u anke fit-titlu oriġinali, kien l-editur li biddel it-titlu bit-tir li “jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-applikant.”

Il-Qorti saħqet ukoll li l-Ministru Mizzi kien missu bagħat dritt għar-risposta lill-gazzetta.

More in Qrati u Pulizija