Qorti | Jintefa' għarwien ħdejn skola fil-Baħrija għax ħaseb li qiegħed il-baħar

Iż-żagħżugħ talab maħfra u qal għamel dak li għamel għax kien fis-sakra u ma kienx f'sensih

Żagħżugħ ta’ 20 sena ġie arrestat wara li nstab għarwien viċin skola fil-Baħrija għax ħaseb li kien qiegħed il-baħar.

Kienet waħda mill-għalliema ta’ din l-iskola li nnutat liż-żagħżugħ u ċemplet lill-Pulizija.

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, iż-żagħżugħ wieġeb ħati u filwaqt li talab maħfra qal li kien fis-sakra u ma kienx jaf x’inhu jagħmel.

“Ksirt il-liġi u nwiegħed li ma nerġax,” saħaq l-akkużat li għandu passaport Pollakk. Minkejja dan insista li ma kienx ħdejn l-iskola iżda f’żona bil-ħaxix fil-Baħrija.

Ftit qabel, il-Maġistrat qaltlu li dak li għamel ma kienx aċċettabbli aktar u aktar għax viċin skola. “Kieku kont il-baħar forsi kienet tkun aċċettabbli,” saħqet il-Maġistrat. “Nixtieq inkun naf x’kont qed taħseb."

Intant, l-Ispettur Elliot Magri qal lill-Qorti li l-ħwejjeġ tal-akkużat nstabu ftit ‘il bogħod fl-istess triq. Qal ukoll li xi ħadd wassal liż-żagħżugħ il-Baħrija u qallu li qiegħed il-baħar.

Mistoqsi kemm kien fadallu f’Malta, l-akkużat wieġeb li wara xahrejn kellu jitlaq fl-aħħar ta’ Ġunju.

Huwa ngħata l-libertà bil-kundizzjoni li ma jerġax iwettaq reat ieħor fi żmien xahrejn.

More in Qrati u Pulizija