Qorti | Akkużat li waddab inkwatru lejn il-kunjata u kisrilha mniħirha

Il-każ seħħ wara argument li r-raġel kellu mal-mara fuq każ ta' tradiment li seħħ għaxar snin ilu

Anzjana sofriet ġrieħi gravi wara li qalgħet daqqa ta’ inkwatru mingħand ir-raġel ta’ bintha.

L-Ispettur Robert Vella ressaq lir-raġel, li għandu 39 sena minn San Ġiljan quddiem il-Maġistrat Gabrielle Vella, akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq il-kunjata tiegħu, meta b’daqqa kisrilha mniħirha, li kkawża ġrieħi ħfief fuq bintu ta’ 11-il sena u li hedded u insulta lill-martu u lil ommha.

Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija meta r-raġel kellu xi jgħid mal-mara fuq każ ta’ tradiment taż-żwieġ li seħħ 10 snin ilu iżda li għadu jittormenta lir-raġel.

Wara l-argument, ir-raġel segwa lill-martu sad-dar ta’ ommha, fejn allegatment gara inkwatru lill-kunjata tiegħu u laqtilha mniħirha.

L-akkużat wieġeb mhux ħati.

L-Avukat tad-Difiża qal li ma jaqbilx mal-mod kif il-prosekuzzjoni qed tgħid kif ġara l-każ iżda qalet li l-affarijiet se jiċċaraw hekk kif ikomplu ħierġa l-affarijiet fil-Qorti.

Saħaq li kien hemm sensiela ta’ argumenti simili fil-passat iżda dejjem kienu solvuti bl-kwiet u insista li r-raġel qatt ma kien vjolenti fil-konfront ta’ bintu jew tal-kunjata.

Kompla jinsisti li l-akkużat qatt qabel ma kellu problemi mal-ġustizzja u li kien lest li ma jgħix id-dar sakemm jintemm il-każ. Kien għalhekk li talab il-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti wissiet lir-raġel biex iżomm ‘il bogħod mill-problemi bir-raġel iwieġeb li jrid jikkalma s-sitwazzjoni biex kollox jerġa’ jirritorna għan-normal.

Ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000, bil-patt u l-kundizzjoni li ma jersaqx lejn id-dar.

Huwa ġie ordnat ukoll ma jkellimx lill-martu, lil bintu u lanqas lill-kunjata.

More in Qrati u Pulizija