Aġġornament tas-sistema tal-marki tas-swaba ssolvi serqa ta' 10 snin ilu

Raġel tressaq akkużat b'din is-serqa wara li ġie estradit minn Kreta ħmistax ilu

Aġġornament fit-teknoloġija użata mill-Pulizija biex jittieħdu u jinqraw il-mark tas-swaba wasslet lill-Pulizija biex takkuża raġel fuq serqa li seħħet għaxar snin ilu.

Ir-raġel, li għandu 40 sena, qed ikun akkużat b’serq aggravat minn appartament f’Tas-Sliema, wara li kien seraq ammont ta’ ġojjellerija.

L-Avukat tad-Difiża insista li għadda wisq żmien minn fuq il-każ u għalhekk ir-raġel ma jistax jiġi arrestat, iżda l-Ispettur saħaq li l-marki tas-swaba tal-akkużat kienu ilhom żmien fil-pussess tal-pulizija, iżda r-raġel qatt ma kien suspettat.

Meta sar l-aġġornament tas-sistema, din immarkat lir-raġel u l-akkużat kellu jiġu ttraċċat fl-2015.

Huwa ġie estradit minn Kreta ħmistax ilu. Kien għalhekk li l-Ispettur saħaq li ġaladarba l-Mandat ta’ Arrest Ewropew ħareġ fl-2015, ir-raġel seta’ jiġi arrestat u ma kienx għadda biżżejjed żmien biex il-każ jaqa’.

Ir-raġel wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, anke meta l-Qorti qaltlu li jista’ jeħel il-ħabs.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-każ imur lura għall-2008 u r-raġel, l-aħħar li nstab ħati, kien fl-2009.

Ir-raġel kellu problema tad-droga iżda wara li għamel xi żmien fil-ħabs, kien iddeċieda li jħalli Malta biex ma jerġax jaqa’ f’kumpanija ħażina.

“Illum huwa nadif u għandu impjieg,” qal l-Ispettur waqt li saħaq li jekk jeħel il-ħabs tista’ ssirlu aktar ħsara milli ġid.

Id-difiża kompliet mal-prosekuzzjoni u qalet li l-akkużat mhux biss irriforma ruħu iżda saħansitra tejjeb ħajtu. Kien għalhekk li talbet biex ismu ma jixxandarx, iżda l-Qorti ma aċċettatx din it-talba.

Huwa tpoġġa taħt probation għal sentejn.

More in Qrati u Pulizija