Jhedded u jobżoq lill-pulizija wara li nqabad isuq bla liċenzja

Żagħżugħ tressaq il-Qorti b'lista ta' akkużi li ma tispiċċa qatt

Żagħżugħ inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li hedded sitt uffiċjali tal-pulizija fl-Għassa ta’ Bormla wara li twaqqaf għax inqabad isuq b’veloċità eċċessiva u aktar minn hekk, ma kellux liċenzja.

L-akkużat, li għandu 28 sena, tressaq il-Qorti akkużat li rreżista l-arrest bi vjolenza, hedded sitt uffiċjali tal-pulizija, beżaq fuq wieħed minnhom u kiser il-paċi pubblika.

Il-lista tal-akkużi tinkludi wkoll li hedded żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta, li ma obdiex l-ordnijiet tagħhom, li kien qed isuq b’mod perikoluż, b’veloċità eċċessiva, li kien qed isuq mingħajr ċinturin tas-sigurtà, bla liċenzja u bla polza ta’ assigurazzjoni.

Dan apparti li kiser għadd ta’ sentenzi oħra mogħtija lilu mill-Qorti.

Jidher li ż-żagħżugħ twaqqaf u kien imwissi mill-pulizija iżda aktar tard mar lura fl-Għassa biex jieħu tiegħu.

Il-prosekuzzjoni talbet biex il-vettura tkun ikkonfiskata u biex il-pulizija involuti jingħataw il-protezzjoni.

Għalkemm huwa wieġeb mhux ħati, il-Qorti fakkret li hu kiser għadd ta’ kundizzjonijiet imposti fuqu u għalhekk ma tistax terġa’ tafdah.

Għalissa se jkun qed jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli.

More in Qrati u Pulizija