Qorti | Jaħbi l-mowbajl fil-kamra tal-banju biex jiffilmja tfajla tinħasel

Żagħżugħ wieġeb ħati meta tressaq il-Qorti akkużat li pproduċa l-pornografija

Żagħżugħ ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li ħeba l-mowbajl fil-kamra tal-banju biex jiffilmja żagħżugħa oħra tinħasel.

It-tfajla, li tinsab Malta biex tistudja l-Ingliż, kienet qed taqsam il-kamra ma' dan iż-żagħżugħ li għandu 26 sena u kienet hi stess li waqt li qed tinħasel indunat bil-mowbajl.

Fil-Qorti nstema’ kif fil-filmat l-akkużat jidher jixgħel il-mowbajl u anke jpoġġih f’post biex ikun jista’ jiffilmja sew liż-żagħżugħa tinħasel.

Kien għalhekk li ż-żagħżugħ tressaq akkużat li pproduċa l-pornografija u li għamel użu ħażin minn mezz ta’ kommunikazzjoni.

Iż-żagħżugħ, mit-Turkija, kellu jħalli Malta fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Fil-Qorti huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u waqt li wera d-dispjaċir tiegħu għal dak li għamel, qal li meta wettaq ir-reat kien għaddej minn żmien diffiċli.

L-Avukat tal-vittma talab biex isem il-vittma u l-indirizz tagħha ma jixxandrux u anke biex tingħata l-protezzjoni. Il-Qorti laqgħet dawn it-talbiet.

Apparti s-sentenza sospiża, il-Qorti ordnat lill-akkużat biex iħallas multa ta’ €200 u anke kien ipprojbit milli jaħdem ma' minuri għat-tliet snin li ġejjin.

Il-mowbajl tal-akkużat kien ikkonfiskat mill-Qorti biex jinqered.

More in Qrati u Pulizija