Ħames akkademiċi jfittxu lill-Università Amerikana bil-Qorti

Ħames letturi ressqu protest ġudizzjarju jisħqu li ntużaw mill-kumpanija li tmexxi l-Università Amerikana ta' Malta

Ħames akkademiċi li kienu jaħdmu fl-Università Amerikana ta’ Malta, fetħu proċeduri fil-Qorti jisħqu li ntużaw mill-kumpanija li topera l-AUM biex tkun tista' takkwista akkreditazzjoni tajba u saħqu li s-sidien tal-Università qatt ma kellhom l-intenzjoni li jipprovdulhom xogħol fit-tul.

Adrian Saliba, Stephen Robert Wassell, Leonid Simon Tevlin, Mark William Neal u Marlen Elliot Harrison, ressqu l-protest ġudizzjarju kontra Sadeen Education Investment Limited.

Ir-rikors jisħaq li l-kumpanija wegħdithom pagi tajba u benefiċċji attraenti biex il-letturi kwalifikati u b’esperjenza kbira, jiġu Malta biex l-AUM tkun tista' takkwista akkreditazzjoni tajba.

Minkejja dan, l-istess letturi baqgħu b’xejn meta l-impjieg tagħhom twaqqaf ħesrem sitt xhur wara li bdew jaħdmu fl-Università.

Ir-rikors jgħid ukoll li qabel intemm il-perjodu ta’ sitt xhur probation, f’Diċembru tal-2017, il-letturi ngħataw rwoli li jmorru lilhinn mit-tagħlim, wara li l-Università kienet iddeċidiet li twaqqaf persuni oħra li kienu impjegati fl-amministrazzjoni.

Ikompli jispjega kif f’Jannar tal-2018, Sadeen Education Investment, informat lil dawn l-akkademiċi li l-kuntratt tax-xogħol tagħhom kien qed jiġi tterminat mingħajr ma pprovdiet l-ebda raġuni, ħlief li għaddew is-sitt xhur probation.

Il-letturi saħqu li dan l-aġir u d-deċiżjonijijiet oħra “irrazzjonali” tal-Bord tad-Diretturi wasslu biex kienu ftit dawk l-istudenti li applikaw biex jistudjaw fl-AUM.

Ir-rikors jisħaq li apparti dawn l-akkademiċi kienu twaqqfu wkoll diversi persuni bi rwoli importanti, fosthom persuna li kienet responsabbli mill-ingaġġ tal-istudenti.

Il-ħames akkademiċi qed jisħqu li minħabba din id-deċiżjoni bagħtew emozzjonalment u finanzjarjament anke għax ma setgħux jippjanaw il-futur taghom u tal-familji tagħhom.

More in Qrati u Pulizija