Imħallef tiddeskrivi bħala 'frivola' t-talba tal-Fulu biex l-aġenti tal-FBI ma jixhdux

L-Imħallef Lorraine Schembri Orland ma laqgħetx it-talba ta’ Alfred Degiorgio, magħruf bħala l-Fulu biex l-aġenti tal-FBI ma jixhdux

L-Imħallef Lorraine Schembri Orland ma laqgħetx it-talba ta’ Alfred Degiorgio, magħruf bħala l-Fulu u għalhekk l-aġenti tal-FBI li kienu parti mill-investigazzjoni wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, se jkunu jistgħu jixhdu fil-Qorti.

L-Avukat William Cuschieri, kien fetaħ każ Kostituzzjonali, f’isem Degiorgio, li fih talab il-Qorti biex ma tinstemax ix-xhieda tal-FBI minħabba li dawn ħadmu mal-espert tal-Qorti, Martin Bajada, li d-Difiża qed tisħaq li ma għandhiex fiduċja fih.

Cuschieri kien fakkar li l-istess Bajada kien instab ħati ta’ każ kriminali li kien wettaq fl-1993 u għalhekk kien saħaq li x-xhieda u l-ħidma tiegħu f’dan il-każ qed timmina l-kredibilità tal-investigazzjoni.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef innutat li l-problema ma’ Degiorgio ma kinitx dwar il-ħsara li kienet ser issir waqt il-kumpilazzjoni ta’ evidenza imma l-interess tal-midja li  x-xhieda tal-FBI żgur se tqanqal.

L-Imħallef fakkret li l-proċess ġudizzjarju huwa fih innifsu pubbliku u għalhekk saħqet li dan diġà jiggarantixxi smigħ xieraq. Kien għalhekk li spjegat kif it-talba ta’ Deiorgio, ma għandha xejn x’taqsam mal-kuntest tal-każ u ddeskrivitha bħala ‘frivola.’

Kompliet tiddeskrivi t-talba tad-difiża bħala waħda “mġebbda” u nieqsa “mis-serjetà.”

Kien għalhekk li ddeċidiet  li l-aġenti tal-FBI għandhom jixhdu fil-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Degiorgio u ż-żewġt irġiel oħra, fosthom ħuħ, akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Każ ieħor miftuħ minn Degiorgio huwa dwar il-laptop li kienet qed tuża Caruana Galizia qabel inqatlet u każ miftuħ il-ġimgħa li għaddiet jisħaq li nkisret il-liġi meta nġabret informazzjoni mill-mowbajls tal-akkużati.

More in Qrati u Pulizija