Il-Fulu jgħid li l-awtoritajiet kisru l-liġi meta ġabru informazzjoni mill-mowbajls tal-akkużati

Alfred Degiorgio jiftaħ każ Kostituzzjonali ieħor, din id-darba jisħaq li nkisret il-liġi meta nġabret informazzjoni elettronika mill-mowbajls

Alfred Degiorgio, wieħed mit-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fetaħ każ Kostituzzjonali ieħor jisħaq li l-informazzjoni elettronika, miġbura mill-mowbajls u li qed tintuża mill-kompilazzjoni, inġabret taħt liġi li ma għadhiex teżisti.

L-Avukat tal-Fulu, William Cuschieri, saħaq li l-informazzjoni nġabret taħt liġi li kienet tħassret b’Direttiva tal-Unjoni Ewropea u għalhekk talab li l-istess informazzjoni ma tibqax tintuża fil-każ.

Din l-informazzjoni elettronika, hija kruċjali f’dan il-każ u anke biex il-forzi tal-ordni wasslu għall-arrest tal-akkużati.

Cuschieri jispjega kif id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea (2006/24/EC) fuq iż-żamma ta’ informazzjoni elettronika minn mezzi ta’ kommunikazzjoni, tobbliga lill-kumpaniji li jipprovdu s-servizz biex l-istess informazzjoni tintuża biss mill-awtoritajiet nazzjonali. Din il-liġi kienet daħlet f’Malta fl-2008.

Minkejja dan jispjega kif deċiżjoni tal-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja, meħuda fl-2014, kienet iddikjarat din id-direttiva bħala invalida. Għaldaqstant, insista li dan l-Avviż Legali li kien daħal fil-liġi Maltija huwa null.

Cuschieri saħaq li din il-liġi tikser id-dritt fundamentali tal-privatezza, id-dritt għall-opinjoni, id-dritt għall-protezzjoni ta’ informazzjoni personali u drittijiet oħra skont il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Iżid li din il-liġi tikser ukoll id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-E-Privacy (2002/58), u liġijiet oħra lokali.

Għalhekk insista li huwa illegali li din it-tip ta’ informazzjoni tinżamm mill-operaturi u tintuża mill-awtoritajiet.

Din l-istess informazzjoni ngħatat lill-espert tal-Qorti Martin Bajada u anke ntużat mill-FBI li kienet qed tgħin fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Cuschieri talab lill-Qorti biex tiddikjara li kien illegali li nġabret din l-informazzjoni u għalhekk titneħħa mill-każ li fih Degiorgio qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Il-Qorti tilqa' t-talba tal-familja Caruana Galizia...

Intant, il-Qorti laqgħet it-talba tal-familja Caruana Galizia biex tieħu sehem fil-proċeduri kollha miftuħa mill-istess Degiorgio bil-għan li l-FBI ma jitħallewx jesebixxu l-evidenza tagħhom fil-Qorti.

L-Avukat Therese Comodini Cachia, qalet li l-familja għandha interess dirett mhux biss fl-inkjesta iżda fil-proċeduri kollha li għandhom x’jaqsmu mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Esperti barranin kienu qed jaħdmu mal-espert tal-Qorti Martin Bajada, li ntalab mill-Qorti jiġbor l-informazzjoni elettronika li tista’ tkun kruċjali fil-każ.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Fulu fetaħ żewġ każi oħra Kostituzzjonali, wieħed jitlob lill-Qorti biex tordna li jinġabar il-laptop li kienet qed tuża Daphne Caruana Galizia qabel ma nqatlet u l-ieħor kontra l-espert tal-Qorti Martin Bajada.

Fit-tnejn li huma, Degiorgio qed jisħaq li nkisirlu d-dritt tiegħu li jkollu smigħ xieraq.

More in Qrati u Pulizija